Tuesday, May 14, 2024

Cristiano Ronaldo ppreżentat b’mod uffiċjali minn Al-Nassr

Aqra wkoll

L-attakkant Portugiż, Cristiano Ronaldo, sostna li kellu “ħafna opportunitajiet” biex jiffirma mal-aqwa clubs qabel ingħaqad ma’ dak tal-Arabja Sawdija, Al-Nassr.

Huwa qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet qabel ma ġie ppreżentat b’mod uffiċjali. 

Huwa ngħaqad ma’ Al Nassr bħala player ħieles, nhar il-Ġimgħa, wara li ħalla lil Manchester United wara intervista kontroversjali li fiha kkritika lill-club u dak kollu ta’ madwaru.

Il-player ta’ 37 sena qal li kellu offerti minn clubs mill-Brażil, mill-Awstralja, mill-Istati Uniti u mill-Portugall.

“Fl-Ewropa l-ħidma tiegħi hija lesta,” huwa qal. 

“Irbaħt kollox … lgħabt mal-iktar clubs importanti fl-Ewropa u issa din hija sfida ġdida fl-Asja.”

Ronaldo huwa rrappurtat li se jirċievi l-akbar salarju  fl-istorja tal-football ta’ aktar minn €175 miljun fis-sena fi ftehim li jdum sal-2025.

“Kif ħadd ma jaf, issa nista’ ngħid li kelli ħafna opportunitajiet fl-Ewropa … minn ħafna clubs fil-Brażil, l-Awstralja, l-Istati Uniti, anke fil-Portugall,” qal Ronaldo lill-ġurnalisti.

“Iżda tajt kelmti lil dan il-club għall-opportunità li niżviluppa l-football u l-partijiet kollha affaxxinanti ta’ dan il-pajjiż.”

Ronaldo ntlaqa’ b’applaws u għajjat ​​taċ-ċelebrazzjoni tal-marka tiegħu ‘Siu’ waqt li kien qed jitkellem. Huwa wieġeb mistoqsijiet minn uffiċjal tal-club iżda ma ħa l-ebda mistoqsija mingħand il-ġurnalisti.

Sport