“Dan huwa pass importanti ’l quddiem”

Il-Parlament jibda jiddiskuti r-riforma tal-appelli fl-ippjanar

Aqra wkoll

Ir-riforma dwar l-appelli fl-ippjanar mhijiex riforma favur naħa jew kontra oħra. Mhijiex riforma favur l-iżvilupp jew kontra l-iżvilupp. Hija riforma favur il-ġustizzja, favur il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tagħna, u favur dritt fundamentali li kull persuna għandha tistenna f’demokrazija moderna: li appell ikollu valur reali u effettiv.

Hekk iddikjara l-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard fil-Parlament meta lbieraħ beda jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi sabiex jemenda Varji Liġijiet dwar it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar. 

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Attard semma’ li b’rabta ma’ din ir-riforma kienet saret konsultazzjoni pubblika u li l-partijiet ikkonċernati kienu laqgħu b’mod pożittiv il-bidliet proposti u qiesuhom bħala pass ’il quddiem fil-politika tal-ippjanar f’Malta. 

“Din ir-riforma hi mibnija fuq tliet pilastri ewlenin li huma: is-sospensjoni awtomatika tal-permess f’każ ta’ appell, termini u proċedura effiċjenti u d-diġitalizzazzjoni u għodod lit-Tribunal,” kompla jgħid il-Ministru. 

Huwa spjega li mal-mument li jiġi intavolat appell minn deċiżjoni ta’ ħruġ ta’ permess mill-Awtorità tal-Ippjanar ser jiskatta mekkaniżmu ta’ sospensjoni awtomatika. Qal li s-sospensjoni ddum sakemm il-proċeduri dwar il-permess ikunu ġew determinati finalment u d-deċiżjoni relattiva tkun res judicata. 

L-ewwel seduta trid issir fi żmien qasir, iġifieri fi żmien 30 ġurnata. It-Tribunal (EPRT) ser ikun ukoll qed joħroġ ordnijiet proċedurali mill-aktar fis biex il-proċess ikun stradat bl-aktar mod effiċjenti.

Dan il-proċess jista’ jieħu sa massimu ta’ 6 xhur. Jiġifieri t-Tribunal irid jagħti d-deċiżjoni tiegħu f’termini stabbiliti sakemm mhux il-partijiet jaqblu għall-estensjoni fuq iż-żmien.

Il-mument li t-tribunal jagħti d-deċiżjoni tiegħu, dawk li pparteċipaw quddiem l-EPRT jistgħu jressqu appell quddiem il-Qorti tal-Appell (Sede Inferjuri).

Wieħed għandu 20 jum biex jagħmel dan.

F’dan il-każ jiskatta terminu ieħor ta’ erba’ xhur, li jista’ jkun estiż b’xahrejn oħra. Iġifieri sitt xhur massimu.

Jekk fl-eventwalità l-Qorti tirrinvija, jiġifieri tibgħat lura l-każ quddiem it-tribunal, hawn hekk jerġa’ jiskatta t-terminu, inkluż iż-żmien li fih trid issir s-seduta.

Ir-riforma tiffaċilita wkoll il-proċess permezz ta’ diġitalizzazzjoni, notifiki elettroniċi u l-għajnuna ta’ assistenti ġudizzjarji.

Sadanittant, il-Ministru Attard spjega wkoll l-involviment tal-Kabinett f’ċirkostanza partikolari u limitata ħafna.

“L-artikolu 78 ta’ Kap. 552 diġà jipprovdi mekkaniżmu speċjali għal ċerti appelli li jistgħu jiġu riferuti lill-Kabinett tal-Ministri. 

“L-abbozz iżomm il-kategoriji sostantivi tas-subartikolu (2), iżda jqassar it-terminu fir-rigward tar-riferiment minn ħmistax-il jum għal tlett ijiem ta’ xogħol u jżid regoli speċifiċi dwar l-effett tas-sospensjoni.

“Il-Ministru jista’ jitlob deċiżjoni jew direzzjoni dwar is-sospensjoni biss meta l-appell ikun jirrigwarda deċiżjoni li taqa’ taħt waħda jew aktar mir-raġunijiet tas-subartikolu (2) u meta l-appell ikun qiegħed jiġi riferut lill-Kabinett.

“Il-mekkaniżmu għalhekk ma joħloqx setgħa ġenerali sabiex titneħħa sospensjoni barra mill-kuntest speċifiku tal-artikolu 78.

“Il-Kabinett jista’ jiddeċiedi li s-sospensjoni ma tapplikax, jew li tiġi varjata, limitata jew suġġetta għal kundizzjonijiet, u jista’ jistabbilixxi modalitajiet għall-implimentazzjoni tal-permess jew ta’ parti minnu.

“Madankollu, dan jista’ jsir biss safejn ikun meħtieġ u proporzjonat sabiex jiġi mħares l-interess pubbliku rilevanti, mingħajr ma jingħata vantaġġ mhux ġustifikat lil persuna partikolari u mingħajr preġudizzju għad-determinazzjoni finali tal-appell.

“It-talba tal-Ministru u d-deċiżjoni jew direzzjoni tal-Kabinett għandhom jidentifikaw ir-raġuni legali li fuqha jkunu msejsa u jagħtu r-raġunijiet dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżura.”

“Meta jkun involut tagħrif sensittiv dwar sigurtà nazzjonali, difiża jew sigurtà pubblika, il-motivazzjoni tista’ tiġi redatta b’mod li ma jiżvelax dak it-tagħrif, iżda għandha, safejn possibbli, tindika n-natura ġenerali tal-interess pubbliku.”

Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Ministru Attard saħaq li b’din ir-riforma qed jintbagħat messaġġ ċar ukoll dwar ir-rispett lejn il-liġi. U għalhekk li r-riforma tipprovdi wkoll mekkaniżmi ta’ infurzar aktar b’saħħithom.

“Dan huwa pass importanti ’l quddiem. Pass favur il-ġustizzja fl-ippjanar. Pass favur il-governanza tajba. U pass favur Malta aktar b’saħħitha, aktar ġusta u aktar responsabbli,” temm jgħid il-Ministru Jonathan Attard.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport