Il-Budget 2027 irid jibqa’ wieħed li jibgħat messaġġ konsistenti. Li se nibqgħu nkunu ta’ spalla u nwieżnu lill-familji Maltin u Għawdxin. Budget ta’ serħan il-moħħ, ta’ stabbiltà, ta’ direzzjoni u ta’ investiment fin-nies.
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fi Stqarrija Ministerjali li għamel fil-Parlament fejn tkellem ukoll dwar is-Summit tal-Kunsill Ewropew li sar il-ġimgħa li għaddiet fi Brussell.
Dr Abela stqarr li fid-diskussjonijiet li saru mal-mexxejja Ewropej, tqajmet il-kwistjoni tal-enerġija u l-fjuwils. Qal li “f’diskussjonijiet bħal dawn tifhem ħaġa waħda: kemm għandna politika b’saħħitha u ċara dwar is-settur tal-enerġija u l-fjuwils.”
Il-Prim Ministru rrimarka li Malta għandha ekonomija b’saħħitha, bi dħul tal-Gvern li huwa wieħed b’saħħtu u kalibrat. Għalhekk sostna li l-miżura tas-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils kienet kruċjali biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tibqa’ b’saħħitha u reżiljenti u biex il-piżijiet qawwija li hemm barra min xtutna ma jmorrux fuq spallejn il-Maltin u l-Għawdxin u n-negozji.
Huwa qal ukoll li saret diskussjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u li għaliha attenda wkoll il-President Ukren Volodymyr Zelensky. Qal li ġiet diskussa l-qagħda finanzjarja ta’ dan il-pajjiż u x’teħtieġ l-Ukrajna fost oħrajn.
Temi oħra li ġew diskussi f’dan il-Kunsill Ewropew kienu l-kompetittivà tal-Unjoni Ewropea, tas-Suq Waħdieni. Dan filwaqt li ddiskutew ukoll is-suġġett tal-immigrazzjoni irregolari fejn l-enfasi li għamel f’dan ir-rigward kien dwar l-importanza li jibqgħu jitħadtu mal-pajjiżi fin-nofsinhar tal-Mediterran.
Sadanittant, qabel uffiċjalment beda l-Kunsill Ewropew, iltaqgħu flimkien is-17-il stat membru li jiffurmaw il-grupp imsejjaħ “Friends of Cohesion” fejn kien hemm qbil li jibqgħu magħquda biex il-politika ta’ koeżjoni tibqa’ waħda b’saħħitha.
Il-Prim Ministru qal ukoll li din se tkun it-tieni opportunità għalih li jinnegozja l-budget tal-Unjoni Ewropea f’isem pajjiżna u stqarr li hu minn ewl id-dinja li d-diskussjonijiet bħalissa jintensifikaw.
“Hemm fejn irridu nsibu l-bilanċ bejn l-aspettattivi differenti. Għandi fiduċja li l-Kummissjoni, il-Kunsill, flimkien magħna l-mexxejja, kapaċi naslu għal dak it-tragward. Pajjiżna huwa mħejji tajjeb ħafna kemm fuq livell tekniku kif ukoll fuq livell politiku,” qal il-Prim Ministru.
