Il-GWU tiffirma Ftehim Kollettiv ġdid għall-ħaddiema tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali

Titjib sostanzjali fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, aktar flessibbiltà u opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp professjonali

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU), permezz tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa, iffirmat Ftehim Kollettiv ġdid għall-ħaddiema tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali (SCH), li jkopri l-perjodu bejn l-2026 u l-2031.

Dan il-ftehim, li jibni fuq il-kisbiet tal-ftehim preċedenti, se jwassal għal titjib sostanzjali fil-pakkett finanzjarju tal-ħaddiema, filwaqt li jintroduċi aktar flessibbiltà fl-arranġamenti tax-xogħol, opportunitajiet aħjar għall-avvanz fil-karriera u aktar appoġġ għat-taħriġ u l-iżvilupp professjonali.

Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan il-GWU, Kendrick Bondin, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, filwaqt li saħaq li l-għan tal-Union kien li jinkiseb titjib konkret fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u jingħata rikonoxximent xieraq lill-professjonalità u r-responsabbiltajiet tagħhom.

Bondin spjega li, minbarra t-titjib finanzjarju, il-ftehim jagħti importanza lill-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, filwaqt li jipprovdi aktar appoġġ lill-ħaddiema li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom u jsaħħu l-kwalifiki professjonali biex javvanzaw fil-karriera.

“Dan il-ftehim ma jħarisx biss lejn l-aspett finanzjarju, iżda wkoll lejn il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema. Għalina huwa importanti li l-ħaddiema jkollhom kundizzjonijiet li jippermettulhom iqattgħu aktar ħin mal-familji tagħhom, filwaqt li jingħataw l-opportunitajiet u l-appoġġ meħtieġ biex ikomplu jiżviluppaw professjonalment u javvanzaw fil-karriera tagħhom,” sostna Bondin.

Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Malcolm Paul Agius Galea, li kien preżenti għall-iffirmar tal-ftehim, enfasizza r-rwol importanti li għandhom il-ħaddiema tas-Sovrintendenza fil-preservazzjoni u l-ħarsien tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna.

Huwa rrikonoxxa r-responsabbiltà kbira marbuta max-xogħol tagħhom u sostna li dan il-ftehim kollettiv huwa riżultat pożittiv li ntlaħaq ukoll grazzi għall-ħidma tal-GWU. Il-Ministru tenna wkoll l-impenn biex il-ħidma f’dan is-settur tkompli tissaħħaħ u titqarreb aktar lejn il-pubbliku.

Min-naħa tiegħu, is-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali, Kurt Farrugia, spjega li l-ftehim jintroduċi struttura ġdida ta’ salarji u gradi, titjib fl-allowances marbuta mar-responsabbiltajiet tax-xogħol u mal-kwalifiki akkademiċi, kif ukoll aktar flessibbiltà fl-arranġamenti tax-xogħol.

Huwa żied li l-ftehim isaħħaħ l-opportunitajiet ta’ taħriġ u żvilupp professjonali, filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza tal-prestazzjoni, l-ispeċjalizzazzjoni u l-kontribut tal-impjegati għall-ħarsien u l-promozzjoni tal-wirt kulturali Malti.

Il-ftehim ġie ffirmat f’isem il-GWU mis-Segretarju tat-Taqsima Kendrick Bondin u mix-Shop Steward Luca Andrea Tufigno. F’isem is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ffirmaw is-Sovrintendent Kurt Farrugia u Elizabeth Vassallo, Chief Office Support Services.

Għall-iffirmar kienu preżenti wkoll il-President tal-GWU Jason Deguara, l-Assistent Segretarju tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa Lawrence Bugeja, kif ukoll Mario Grixti, Deputat Kap tat-Taqsima tar-Relazzjonijiet Industrijali u Dr Joyce Cassar, Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru (People and Standards).

Il-GWU ttenni l-impenn tagħha li tkompli taħdem favur ftehimiet kollettivi li mhux biss itejbu l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, iżda jagħtu wkoll valur lill-professjonalità tal-ħaddiema, isaħħu l-opportunitajiet għall-iżvilupp tagħhom u jippromwovu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Il-GWU tibqa’ kommessa li, permezz tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv, tkompli tikseb titjib konkret fil-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema li tirrappreżenta.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport