Minn Cristian Muscat
B’mod unanimu, il-Ħamis filgħaxija l-Avukat Chris Cardona ġie maħtur uffiċjalment president ta’ Birkirkara FC waqt Laqgħa Ġenerali Straordinarja li kienet ġiet imsejħa ftit tal-jiem ilu.
Il-mijiet ta’ membri preżenti għal din il-laqgħa qablu unanimament li għandu jkun l-Avukat Cardona li jieħu f’idu t-tmexxija tat-tim, mingħajr ebda vot kontra jew astensjoni.
Cardona se jkun qed jieħu post Michael Valenzia, li rriżenja mill-kariga ta’ president aktar kmieni din il-ġimgħa.
Fil-jiem li ġejjin mistenni jinħatar kumitat ġdid li, fost oħrajn, se jinkludi uċuħ familjari, fosthom Gordon Spiteri, li mistenni jkompli jokkupa l-kariga ta’ Viċi President, filwaqt li Michael Spiteri mistenni jkompli jokkupa l-kariga ta’ Teżorier.
Intant, proprju mmedjatment wara dan il-ħatra, dan is-sit tkellem ma’ Chris Cardona nnifsu li tana dawn il-kummenti esklussivi:
“Dan il-mandat mhux tiegħi biss. Huwa tal-membri kollha, tal-partitarji kollha, tal-plejers, tal-kowċis, tal-voluntiera u tal-familji kollha li dejjem żammew lil dan il-Klabb f’qalbhom.”
“Flimkien ma Gordon u Michael Spiteri fil-jiem li ġejjin, ser nipproponu struttura kompluta ta’ Kumitat ġdid għall-approvazzjoni formali tal-membri tal-Club skont l-Istatut.”
“Il-prijoritajiet tagħna huma ċari u mmedjati. Ser nibdew reviżjoni finanzjarja u legali sħiħa tal-Klabb. Għandna diversi ftehim istituzzjonali lesti biex jiġu ffirmati li ser jiġġeneraw dħul kummerċjali ġdid mill-ewwel.
“Għall-istaġun li ġej hemm urġenti il kuntratti tal-plejers, staff tekniku u pjanijiet tal-iskwadra kollha li ser jiġu indirizzati mingħajr dewmien.”
“Għandna wkoll żewġ proġetti ta’ żvilupp sinifikanti fuq l-assi tal-Klabb li se nipproċedu bihom b’mod trasparenti u skont il-proċessi legali u kummerċjali korretti.”
“Nixtieq nagħmel ħaġa waħda ċara. Il-Klabb ta’ Birkirkara jagħmel parti mill-komunità ta’ Birkirkara. Mhux biss grawnd u skwadra imma huwa parti mill-identità tagħna bħala Rahal. Ser naħdmu biex din il-komunità tkun kburija bil-Club tagħha kemm fil-ground kif ukoll barra minnu.”
“Grazzi mill-qalb lil kull min emmen f’din il-viżjoni u fdan il pjan u wera l-fiduċja tiegħu fina.”

