Minn Cristian Muscat
Il-kowċ Portugiż Daniel Portela daħal fix-xena tal-futbol Malti b’mod relattivament kwiet fis-sajf li għadda, speċjalment għax ħadd ma kien jaf xejn fuqu. Minkejja kollox, illum il-ġurnata, ismu jinsab miktub b’ittri tad-deheb fl-istorja ta’ Floriana F.C..
Il-kowċ ta’ 58 sena wassal lill-Greens għar-rebħ tas-27 kampjonat tagħhom, suċċess li mhux biss reġa’ poġġa lil Floriana fil-quċċata tal-futbol Malti, iżda għamilhom ukoll l-aktar tim li rebaħ kampjonati f’Malta.
Wara r-rebħa drammatika kontra Marsaxlokk F.C bl-iskor ta’ 2-1 fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet., Portela kien emozzjonat immens. Għalkemm il-logħba kienet deċiża minn gowl kontroversjali fil-ħin miżjud, il-kowċ Portugiż kien aktar iffukat fuq il-vjaġġ li għadda minnu t-tim tul l-istaġun kollu. Dan is-sit ħadlu l-kummenti tiegħu wara dan is-suċċess li wieħed jista’ jqisu bħala storiku.
“Fil-ħajja ħafna drabi ninkwetaw dwar ir-riżultati u s-suċċess,” qal Portela wara l-partita.
“Iżda aktar importanti li nippruvaw inkunu aħjar bħala persuni u nkunu onesti.”
Kien kliem li jirrifletti l-karattru tiegħu. Tul l-istaġun kollu, Portela dejjem deher bħala kowċ kalm, dixxiplinat u spiritwali ħafna. Hu ma jitkellimx biss fuq tattika jew sistemi ta’ logħob, iżda wkoll fuq il-mentalità u l-valuri.
Imwieled f’Póvoa de Varzim fil-Portugall fid-9 ta’ Marzu 1968, Portela għandu esperjenza vasta fil-futbol internazzjonali. Qabel ma wasal Malta kien ħadem ma’ diversi timijiet fil-Portugall, fl-Angola, fil-Kuwajt u fl-Emirati Għarab Magħquda. Hu kellu rwoli differenti, kemm bħala manager kif ukoll bħala assistant coach u direttur tekniku.
Fost it-timijiet li ħadem magħhom hemm Boavista F.C., Al-Nasr SC u Rio Ave F.C. fil-livelli taż-żgħażagħ. Din l-esperjenza kollha għenitu biex jasal Malta b’mentalità moderna u organizzata ħafna.
Meta Floriana ħabbruh bħala kowċ il-ġdid tagħhom, kien hemm ċertu dubju fost il-partitarji. Il-klabb kien ilu snin jipprova jsib il-formula rebbieħa u ħafna proġetti ma tawx il-frott mixtieq. Iżda Portela rnexxielu joħloq identità ċara lit-tim tiegħu.
Hu introduċa stil ta’ logħob aggressiv u offensiv, ibbażat ħafna fuq il-moviment tal-ballun u pressjoni għolja fil-movimenti tal-avversarji. Il-formazzjoni favorita tiegħu kienet 4-3-3, sistema li tat libertà lill-plejers offensivi tiegħu biex jesprimu ruħhom.
“Il-plejers għandhom jilagħbu mingħajr biża’,” sostna Portela. “Min jibża’ jilgħab m’għandux post fit-tim tiegħi.”
Din kienet frażi li ħalliet impatt kbir wara l-finali kontra Marsaxlokk. Fil-fatt, Portela ammetta li fl-ewwel taqsima ma kienx kuntent xejn bil-wirja tat-tim tiegħu.
Marsaxlokk kienu aħjar fl-ewwel 45 minuta u meritatament marru fil-vantaġġ permezz ta’ Rasmus Linden wara indeċiżjoni fid-difiża Furjaniża. Floriana dehru nervużi u mingħajr ideat ċari.
“Kont qed nitlob lill-plejers ta’ nofs il-grawnd tiegħi biex jilagħbu iktar ’il quddiem, iżda ma rnexxilhomx jagħmlu dan,” qal Portela. “Fil-ħin tal-mistrieħ għedtilhom ċar li min jibża’ jilgħab ma jistax ikun parti minn dan it-tim.”
Il-kowċ Portugiż ma beżax jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi. Ħames minuti biss wara li bdiet it-tieni taqsima, għamel diversi sostituzzjonijiet li bidlu kompletament il-logħba.
“Sfortunatament kien hemm xi plejers li ma tawx kas il-messaġġ tiegħi u għalhekk kelli nibdel,” stqarr hu.
Dawk il-bidliet ħallew effett immedjat hekk kif Federico Varela skorja l-goal tad-draw ftit minuti wara. Minn hemm ’il quddiem Floriana dehru tim differenti.
“Faċli tgħid issa li s-sostituzzjonijiet għamlu d-differenza,” qal Portela bi tbissima. “Iżda dejjem hemm ukoll l-intervent ta’ Alla f’dawn l-affarijiet.”
Il-fidi hi aspett importanti ħafna fil-ħajja tiegħu u dan jidher ċar mill-mod kif jitkellem.
Wara r-rebħa, Portela rringrazzja lil Alla diversi drabi u qal li dejjem jipprova jibqa’ umli anke fil-mumenti ta’ suċċess.
“Meta tirbaħ xi ħaġa importanti trid tkun grat lejn Alla. Alla jaf kollox,” sostna l-kowċ Furjaniż.
Portela ta kreditu kbir wkoll lill-plejers tiegħu, li skont hu qatt ma qatgħu qalbhom matul l-istaġun.
“Fit-tieni taqsima konna ħafna aħjar. Nemmen li konna l-aktar tim konsistenti tul l-istaġun kollu,” qal hu.
Fil-fatt, il-konsistenza kienet waħda mill-akbar saħħiet ta’ Floriana dan l-istaġun. Fi 42 partita uffiċjali huma rebħu 27 logħba, ħadu tmien draws u tilfu sebgħa biss. Fil-Closing Round kienu kważi perfetti, bi 11-il rebħa minn 16-il partita.
Portela jemmen ħafna fil-kollettiv aktar milli fl-individwi. Għalkemm kellu plejers ta’ kwalità bħal Federico Varela, Gonçalo Arias u Carlo Zammit Lonardelli, hu dejjem enfasizza li s-suċċess ġie mix-xogħol tat-tim kollu.
Hu ma nesiex lill-partitarji akkaniti ta’ Floriana, li kienu kruċjali fil-mixja lejn it-titlu.
“Il-partitarji għenuna immens. Ħassejna l-appoġġ tagħhom tul l-istaġun kollu,” qal hu emozzjonat.
Ir-rebħa finali waslet b’gowl kontroversjali ta’ Dino Dervisagic fil-ħin miżjud, gowl li ġie kkonfermat wara konsultazzjoni twila mal-FVS. Iżda Portela, għażel li jiffoka fuq il-wirjiet tat-tim tiegħu u li din ir-rebħa kienet biss il-qofol ta’ staġun mibni fuq xogħol, dixxiplina u mentalità rebbieħa.
Meta mistoqsi x’ħass wara s-suffara finali, Portela deher kważi bla kliem.
“Dan hu kampjonat kbir. Għalija m’hemmx iżjed x’ngħid. Jien bla kliem,” temm jgħid.
Illum il-partitarji Furjaniżi jaraw fih mhux biss kowċ rebbieħ, iżda mexxej li rnexxielu jagħti identità ġdida lit-tim tagħhom. Wara snin ta’ stennija, Daniel Portela sar il-persuna li reġa’ ta t-tama u l-glorja lil Floriana FC.

