Minn Cristian Muscat
Ir-rebħa storika ta’ Valletta FC fil-finali tal-Meridianbet FA Trophy 2025/26 kienet ħafna aktar minn sempliċi trofew. Għall-kowċ Thane Micallef, kienet il-konferma li x-xogħol, il-paċenzja u l-għaqda kapaċi jwasslu għal suċċess li ftit kienu qed jistennew fil-bidu tal-istaġun.
Valletta għelbu lil Gżira United FC bl-iskor ta’ 2-1 biex rebħu l-15-il FA Trophy fl-istorja tagħhom u fl-istess ħin assiguraw post fil-UEFA Conference League tal-istaġun li ġej. Għal Micallef, iżda, din ir-rebħa tfisser ħafna aktar minn kwalifikazzjoni Ewropea jew trofew ieħor fil-vetrina Beltija.
“Kien staġun memorabbli,” qal Micallef wara l-partita. “Bħal-lum sena, konna fl-istess grawnd iġifieri l-Istadium Nazzjonali niċċelebraw il-promozzjoni miċ-Challenge League.
Dak iż-żmien ħadd ma kien jaf eżatt fejn se naslu, u onestament lanqas jien ma kont qed nistenna li sena wara se nkunu qed nerfgħu trofew maġġuri.”
L-emozzjoni kienet evidenti fuq wiċċ il-kowċ Belti hekk kif tkellem dwar il-vjaġġ tat-tim tiegħu. Valletta, wieħed mill-aktar klabbs glorjużi fil-futbol Malti, għaddew minn żmien diffiċli fl-aħħar snin, iżda taħt it-tmexxija ta’ Micallef bdew jerġgħu jsibu l-identità tagħhom.
“Il-fatt li matul l-istaġun konna kompetittivi tani tama kbira,” sostna. “Kien hemm mumenti fejn urejna li stajna nikkompetu ma’ kulħadd. Fil-kampjonat kellna ċirkostanzi li ċaħħduna milli naslu aktar ’il quddiem, inkluż penalties li swew ħafna, iżda qatt ma qtajna qalbna.”
Il-finali kontra Gżira United kienet prova oħra tal-karattru tat-tim Belti. Minkejja bidu tajjeb minn Valletta, kienu l-Maroons li marru fil-vantaġġ permezz ta’ Andre Penha Da Costa. Għal xi mumenti deher li Gżira kienu qed jikkontrollaw il-logħba, iżda Micallef irnexxielu jdawwar l-andament fit-tieni taqsima.
“Fl-ewwel taqsima kellna bidu tajjeb iżda Gżira kienu qed jilagħbu tajjeb ħafna territorjalment,” spjega. “Fit-tieni taqsima rranġajna xi affarijiet tattikament u għamilna ċerti bidliet li għenuna nieħdu aktar kontroll tal-logħba.”
Il-bidliet taw il-frott mixtieq hekk kif iż-żagħżugħ Jake Azzopardi ġab id-draw għal Valletta qabel ma Mbende skorja l-gowl tar-rebħa ftit minuti wara. Għal Micallef, dak il-mument kien il-premju perfett għal grupp li qatt ma waqaf jemmen.
“Fl-aħħar mill-aħħar irbaħna bil-qalb u bir-rieda,” qal il-kowċ. “Ir-riżultat kien frott tax-xogħol kollu li sar matul l-istaġun. Din it-tazza hija ta’ kulħadd.”
Micallef ma naqasx milli jsemmi l-kontribut enormi tal-istaff tiegħu u tan-nies li jaħdmu wara l-kwinti, li ħafna drabi ma jidhrux iżda jkunu essenzjali għas-suċċess ta’ tim.
“Hemm numru kbir ta’ nies wara l-kwinti li jagħmlu xogħol enormi. Irrid nirringrazzja lill-istaff tiegħi li ħadem bla waqfien tul l-istaġun kollu. Mingħajrhom ma konniex naslu hawn.”
Iżda jekk hemm grupp li tassew messlu qalbu, kienu l-partitarji Beltin. Tul l-istaġun kollu, il-partitarji ta’ Valletta baqgħu jemmnu fit-tim minkejja d-diffikultajiet u l-pressjoni kbira li dejjem teżisti madwar il-klabb mill-Belt Kapitali.
“Il-partitarji tagħna emmnu fina mill-ewwel ġurnata,” sostna Micallef. “Din it-tazza noffriha lilhom. Huma kienu dejjem hemm magħna, kemm fil-mumenti tajbin kif ukoll f’dawk diffiċli.”
Ir-rebħa fil-FA Trophy mhux biss tat trofew lil Valletta iżda wkoll messaġġ ċar lill-futbol Malti kollu: Valletta reġgħu lura biex jikkompetu kontra l-aqwa timijiet.
“Naħseb li matul l-istaġun it-timijiet kollha indunaw li Valletta m’għadhomx tim faċli biex tilgħab kontrih,” qal Micallef. “Dan hu premju għall-ħidma li saret u sinjal li Valletta ġew lura b’saħħithom.”
Għall-kowċ Belti, il-fatt li unur maġġuri reġa’ mar lura fil-kapitali għandu sinjifikat speċjali ħafna.
“Valletta huma klabb storiku u meta tara lil dan il-klabb jerfa’ trofew mill-ġdid tħoss sodisfazzjon enormi. Li ġġib unur maġġuri lura fil-kapitali hija xi ħaġa sabiħa ħafna.”
Minkejja l-ewforija tar-rebħa, Micallef baqa’ umli u realistiku dwar il-futur. Huwa jaf li dan huwa biss pass ieħor fi proċess ta’ bini li għadu għaddej.
“Din ir-rebħa tgħallmek li meta taħdem bis-serjetà u kulħadd ikun magħqud, fl-aħħar tieħu l-frott tax-xogħol tiegħek,” sostna. “Iżda rridu nibqgħu b’saqajna mal-art u nkomplu nibnu fuq dak li ksibna.”
Matul l-aħħar sena, Micallef irnexxielu joħloq taħlita interessanti ta’ plejers żgħażagħ u oħrajn aktar esperjenzati. Dan wassal biex Valletta mhux biss rebħu trofew iżda wkoll reġgħu taw tama lill-partitarji tagħhom għal futur aktar pożittiv.
Meta mistoqsi x’kien l-akbar sodisfazzjon tiegħu minn dan l-istaġun, il-kowċ ma tkellimx dwar it-trofew biss, iżda dwar il-mentalità li bena fit-tim.
“L-akbar sodisfazzjon tiegħi hu li rajt grupp ta’ plejers li qatt ma ċedew,” qal b’konvinzjoni. “Anke meta konna taħt pressjoni, dejjem emminna fina nfusna.”
Ir-rebħa fil-Meridianbet FA Trophy kienet il-qofol perfett għal staġun li ftit kienu qed jistennew mingħand Valletta. Sena ilu kienu qed jiċċelebraw promozzjoni miċ-Challenge League; illum qed jiċċelebraw ritorn fix-xena Ewropea.
U jekk hemm messaġġ wieħed li ħareġ ċar mill-kliem ta’ Thane Micallef, huwa li dan jista’ jkun biss il-bidu ta’ kapitlu ġdid għal Valletta FC.

