Thursday, May 28, 2026

‘Kienet kompetizjoni memorabbli … lgħabna f’livell li l-hockey Malti kien għadu qatt ma daħal fih’ – Andre Ghio

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Qormi Daikin temmew parteċipazzjoni ta’ prestiġju fil-EuroHockey Club Challenge I f’Predanovci fis-Slovenja billi spiċċaw fit-tielet post fil-klassifika finali.

It-tim Malti sofra telfa kontra ċ-champions eventwali HAHK Mladost tal-Kroazja bl-iskor kbir ta’ 6-0, fejn il-Kroati bnew vantaġġ kmieni b’erba’ gowls fl-ewwel taqsima u komplew jikkontrollaw il-logħba sat-tmiem.

Minkejja r-riżultat, Qormi ħallew impressjoni pożittiva f’kompetizzjoni ta’ livell għoli, u spiċċaw fit-tielet post flimkien ma’ HK Triglav Predanovci tas-Slovenja. Aktar qabel, il-Qriema rebħu 3-2 kontra Vinitsa 3-2 u spiċċaw fi draw ta’ 2-2 kontra Triglav.

Proprju rigward dan u iktar, dan is-sit tkellem mal-kowċ ta’ Qormi Daikin, Andre Ghio, li tana iktar dettalji:

“Kienet kompetizjoni memorabbli. Lgħabna f’livell li l-hockey Malti kien għadu qatt ma daħal fih. Il-klabb Ukren ta’ Vinnitsa kien wieħed mill-favoriti għall- promozjoni u bir-rebħa fuqhom Qormi għamlu l-istorja bl-ewwel rebħa f’dan il-livelll.”

“Fid-draw kontra t-tim ospitu ta’ Triglav, avolja għandhom livell tajjeb hafna, it-tim seta’ anke ġab ir-rebħa fl-aħħar minuti.”

“Kontra l-klabb Kroat ta’ Mladost avolja lgħabna logħba qalbiena u tajba ħafna, l-avversarji kienu letali quddiem il-lasti. It-tim kollu rnexxielu jgħolli l-livell tiegħu.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport