Fl-aħħar dibattitu tal-kampanja elettorali bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg spikka l-impenn u d-determinazzjoni tal-Prim Ministru li jkompli jibni fuq il-ħafna tajjeb li diġà sar taħt Gvern Laburista u jwettaq aktar riformi u bidliet li jkunu ta’ benefiċċju għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.
“Flimkien wettaqna dak li wegħedna u iżjed. Għalhekk l-għażla ta’ nhar is-Sibt hi kredibilità, kompetenza, ħila u responsabbiltà,” iddikjara l-Prim Ministru waqt id-dibattitu li xxandar l-Erbgħa filgħaxija u li kien organizzat mill-Awtorità tax-Xandir.
Dr Abela beda biex qal li l-manifest Int Malta tfassal biex ikun miegħek f’kull pass tal-ħajja, sa minn qabel it-twelid għall-anzjanità. “Tfassal flimkien magħkom biex permezz tiegħu ħajtek tkun eħfef, isbaħ u aħjar,” qal il-Prim Ministru.
“Flimkien affaċċjajna pandemija u wasalna għax ħdimna flimkien fi spirtu t’għaqda nazzjonali. Għal gwerra, kellna tnejn u tlieta. Konna l-uniku Gvern fl-Ewropa li waqt pandemija u gwerer, żammejna kompletament stabbli l-prezzijiet tal-enerġija.”
Fuq kollox, huwa qal li dak li ġie mwiegħed fil-manifest elettorali tal-2022, ġie mwettaq. “Waqt li tajna dik il-garanzija ta’ stabbiltà, wegħedna tax cut u tajna d-doppju tagħha u fil-budget ta’ wara minkejja li ma kinitx imwiegħda tajna tax cut li saħanistra kienet aktar b’saħħitha mill-ewwel waħda,” qal il-Prim Ministru.
Huwa semma wkoll iż-żidiet fil-pensjonijiet u ċ-children’s allowance, it-tisħiħ fil-liġi tal-IVF, l-għotjiet lill-first time buyers, iż-żieda fl-istipendji u anke l-iskema ta’ gyms b’xejn liż-żgħażagħ fost miżuri oħrajn.
Barra minn hekk, Dr Abela qal li dan il-Gvern wettaq proġetti infrastrutturali kbar u proġetti oħra ta’ spazji miftuħa, fejn qal li “Manoel Island issa hi tagħkom mill-ġdid, l-istess il-White Rocks u Forti Campbell.”
Il-Prim Ministru qal ukoll li dan kollu seta’ jsir għax żammew l-ekonomija b’saħħitha u l-finanzi tal-pajjiż b’saħħithom, sabiex jibqa’ jiġi ġġenerat il-ġid u mbagħad dan jinvestuh fin-nies.
“In-nifs ġdid tal-PN xi jfisser? Xita ta’ żbalji, inkonsistenzi u kontradizzjonijiet”
Dr Abela kompla jgħid li n-nifs ġdid tal-Partit Nazzjonalista jfisser xita ta’ żbalji, inkonsistenzi u kontradizzjonijiet. Innota kif filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni semma l-mediċini tal-kanċer, dawn fil-fatt diġà qed jingħataw, inkluż bl-aqwa forom ta’ trattament tal-onkoloġija.
Dwar il-proposta tal-PN għal pompa tal-petrol f’nofs il-baħar, Dr Abela nnota li l-Kap tal-Oppożizzjoni l-ewwel kien qal li din se ddaħħal €450 miljun, imbagħad €350 miljun u xħin tiftaħ il-manifest elettorali tal-PN tara li f’leġiżlatura sħiħa mhi se tagħti xejn lill-ekonomija.
“Dwar il-pompa tal-petrol f’nofs il-baħar… semmewlna ‘espert’, hu stess qed jgħid li mhux inġinier. Anke f’espert ma kontux onesti ma’ dak li għedtu lill-poplu. Allura hemm ukoll lanqas għandkom espert fuq is-suppost super project tal-kampanja,” qal il-Prim Ministru.
Dr Abela tenna li għalhekk hi kwistjoni ta’ kredibiltà. Qal li sakemm l-Oppożizzjoni tibqa’ tagħmel dawk it-tip ta’ żbalji, jibqgħu żbalji tal-partit, iżda jekk tkun qed tmexxi waqt pandemija, tliet kriżijiet globali u gwerer, tkisser l-ekonomija tal-pajjiż u tkisser il-futur tal-familji tagħna.
B’rabta mal-proposta tal-PN fuq it-trasport tal-massa, Dr Abela nnota kif mill-ewwel kienu bdew b’diskrepanza ta’ €900 miljun bejn dak li qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni u l-manifest tagħhom.
Huwa qal li l-istudju tal-Gvern li rreferiet għalih l-Oppożizzjoni kien ġie skartat minnufih għax ma kienx jgħodd għal pajjiżna. Qal li dak l-istudju kien magħmul minn ditta tal-audit u skont prezzijiet tal-2017 fejn illum il-prezzijiet tal-kostruzzjoni żdiedu b’40%. “Skont int se tagħmel proġett tal-massa li jtella’ d-dejn tal-pajjiż aktar milli kien tellgħu Gonzi. Ebda pajjiż m’għamel proġett simili f’ħames snin,” qal il-Prim Ministru meta kien qed jindirizza lill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Min-naħa l-oħra, Dr Abela qal li l-Gvern kien ċar meta ppreżenta l-pjan Malta in Motion u li fil-fatt diġà beda jitwettaq. Qal li dan jinkludi wkoll investiment fil-fast ferries, rotot ġodda tal-linja, servizzi ta’ park and rides ġodda u aktar kilometri ta’ toroq siguri għaċ-ċikliżmu.
Dr Abela żied isemmi kif dan il-Gvern, għal kull settur, għandu pjan kif ukoll għan ta’ fejn iridu jaslu u kif iridu jaslu, b’miżuri li huma costed, illi jidħlu f’manifest ta’ €6.3 biljun.
Dwar ir-realtà tal-ħaddiema barranin, il-Prim Ministru qal li din ġiet indirizzata bil-Labour Migration Policy. Dan filwaqt li f’budgets wieħed wara l-ieħor ġew investiti €100 miljun fis-sena fit-teknoloġija u fl-Intelliġenza Artifiċjali.
Huwa rrefera wkoll għal diversi proposti oħra elenkati fil-manifest Int Malta fosthom is-superbonus ta’ €1,000 fis-sena lil kull ħaddiem f’pajjiżna, inkluż is-self employed, iż-żieda ta’ mill-inqas €50 fil-ġimgħa għall-pensjonanti matul leġiżlatura sħiħa, it-tisħiħ tal-maternity leave u l-paternity leave kif ukoll l-introduzzjoni ta’ parental leave ġdid ta’ sitt xhur imħallas mill-Gvern.
“Semmejna ħafna proposti li madwarhom hemm marbut għan dwar fejn qegħdin illum, fejn konna u fejn irridu naslu. Kollha proposti parti minn pjan biex intellgħu l-kwalità tal-ħajja għal-livell li jmiss, l-ekonomija għal-livell li jmiss u l-għajxien tal-familji għal-livell li jmiss.”
Il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid li nhar is-Sibt li ġej hemm għażla favur il-manifest Int Malta li jibqa’ jara li nibqgħu mexjin ’il quddiem.
Alex Borg jgħid li l-proposti tiegħu joffru viżjoni
Fl-interventi tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal li l-proposti li huma qed iressqu mhumiex fl-arja iżda li fil-kollettiv joffru viżjoni li hi allaċċjata flimkien, forma ta’ kullana.
Huwa semma fost oħrajn il-proposta li t-taxxa fuq is-suċċessjoni tiġi “totalment żero”, it-traħħis fil-kontijiet tad-dawl b’medja ta’ 30 fil-mija u l-viżjoni ċara li qal li għandu għall-isptarijiet. Ma’ dawn huwa qal li l-PN għandu pjan fuq il-popolazzjoni u sabiex jindirizza l-problema tat-traffiku.
Dr Borg tenna jgħid li l-PN għandu tim ta’ kandidati mimli enerġija, b’żgħażagħ u anke nies t’esperjenza.

