Fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin, il-Belt Valletta, dalgħodu ingħatat l-aħħar tislima lil Benny Borg Bonello, li ħadem ħafna fil-qasam tal-konsumatur fejn għal snin twal serva bħala President tal-Għaqda tal-Konsumaturi.
Borg Bonello miet il-Ħadd li għadda fl-età ta’ 76 sena. Huwa kien ta s-sehem tiegħu fid-Dipartiment tar-Riċerka tal-General Workers’ Union tant li kien għamel għadd ta’ surveys ta’ rilevanza għat-trejdunjoniżmu. Huwa kien ukoll attiv fil-Partit Laburista b’mod partikolari fis-snin bejn l-1996 u l-2003.
Borg Bonello kien ukoll kontributur regolari għall-gazzetti tal-Union Print u sa ftit taż-żmien ilu kien jikteb fil-portal talk.mt.
Fl-omelija tiegħu, Fr Alex Cauchi, il-Kappllan tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin, il-Belt, fakkar il-kriterji soċjali li Benny Borg Bonello ħaddan u għex matul ħajtu. Qal li Benny kien bniedem li ħabb lill-familja u kien disponibbli dejjem biex jgħin lil ħaddieħor mingħajr ħafna daqq ta’ trombi.
Qal ukoll li l-prinċipji ta’ Benny wassalhom ukoll fl-Università fejn għen ħafna żgħażagħ fl-istudji tagħhom. “Huwa kien jemmen fil-ġustizzja soċjali u fil-prinċipji li permezz tagħhom fittex li jagħmel il-ġid lil kulħadd,” temm jgħid Fr Cauchi.