Wednesday, April 30, 2025

Diġà ġew skedati laqgħat ma’ professjonisti li jaħdmu fis-settur

Wara s-sentenza tal-ECJ dwar il-qafas leġiżlattiv ta’ ċittadinanza b’investiment ta’ pajjiżna

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri aġġorna l-Parlament bil-pożizzjoni tal-Gvern wara s-sentenza li ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ li l-Kummissjoni Ewropea fetħet kontra Malta dwar il-qafas leġiżlattiv b’rabta maċ-ċittadinanza b’investiment. 

Fi Stqarrija Ministerjali, il-Ministru Camilleri qal li l-Gvern dejjem jirrispetta d-deċiżjonijiet tal-Qrati. Qal li f’dan il-mument l-effett legali ta’ din is-sentenza qed ikun studjat fid-detall, sabiex il-qafas regolatorju ta’ pajjiżna dwar iċ-ċittadinanza jkun konformi mal-prinċipji msemmija fis-sentenza. 

Huwa ħabbar li diġà ġew skedati laqgħat ma’ professjonisti Maltin li jaħdmu fis-settur, għaliex “l-attitudni tal-Gvern li anke hawnhekk irridu nagħmlu l-bidliet neċessarji bi djalogu sabiex nassiguraw l-aħjar deċiżjonijiet fl-interess ta’ pajjiżna.” 

Il-Ministru Camilleri sostna li s-sentenza tal-Qorti Ewropea tikkonferma l-prinċipju dwar il-kompetenza nazzjonali iżda daħlet f’aspetti oħra li ma trattax l-Avukat Ġenerali. Huwa għamilha ċara li dan il-programm wettaq ħafna ġid, liema ġid ġie investit fin-nies. 

Qal li kemm ilu fis-seħħ dan il-programm iġġenera b’mod dirett dħul għall-pajjiż ta’ €1.4 biljun. “Dawn flus li daħħal il-pajjiż dirett u li jinqasmu bejn il-Fond Konsolidat u l-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF), jiġifieri dak il-Fond li twaqqaf biex il-pajjiż ikollu fond għal meta jinqala’ l-għawġ jew biex jinvesti fi proġetti ta’ ħtieġa soċjali”. 

“U l-għawġ, li ħadd ma kien jaħseb li jista’ jinqala’, sibnieh ma wiċċna fil-pandemija. Għalhekk joħroġ biċ-ċar kemm kienet għaqlija l-viżjoni tal-Gvern li joħloq dan il-qafas legali għaliex ir-riżultati u l-frott li qtajna minnu, għexuhom u qed jgħixuhom in-nies,” qal il-Ministru Camilleri li fakkar kif dawn il-fondi ntużaw biex jiġu megħjuna n-nies u fil-fatt ġew megħjuna n-nies. 

Huwa mbagħad ta elenku ta’ diversi inizjattivi li tieħdu u qed jittieħdu permezz tal-NDSF f’diversi oqsma foshom l-investiment t’għexieren ta’ miljuni ta’ ewro fil-housing soċjali u l-investiment ta’ miljuni fiċ-ċentri tas-saħħa madwar il-pajjiż. Sar investiment ukoll f’apparat mediku għal Mater Dei u San Vinċenz De Paul filwaqt li saru investiment fi proġetti ambjentali u ngħatat għajnuna lil Puttinu Cares fi proġetti imprezzabbli li qed jagħmlu fost oħrajn. 

Il-Ministru Camilleri tenna li dan il-qafas leġiżlattiv gawda minnu kulħadd. Min b’mod dirett u min b’mod indirett. “Il-pajjiż, dawk li jaħdmu fis-settur, min kera l-proprjetà, min ibbenefika mill-inizjatttivi, il-poplu kollu gawda mill-għajnuna li stajna nagħtu fil-pandemija u nista’ nibqa’ nsemmi. U għalhekk hi ħasra ikbar li l-pajjiż ma kien magħqud fuq dan il-programm.”

Huwa temm jappella biex għaż-żmien li ġej, hekk kif il-Gvern qed janalizza s-sentenza u jikkunsidra l-passi li jmiss, ikunu magħquda bħala pajjiż wieħed. Qal li l-Gvern se jibqa’ ffukat li jmexxi dan il-pajjiż ’il quddiem u jibqa’ jattira l-investiment lejn pajjiżna. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport