L-Enemalta poġġiet iktar minn 30 kilometru ta’ cables ġodda madwar il-pajjiż bħala parti mill-investiment ta’ 60 kilometru ta’ cables sabiex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku.
Sa issa bħala parti minn dan il-proġett, tqiegħdu cables ġodda f’Ħal Tarxien, il-Mellieħa, il-Gżira u Birkirkara.

Bħala parti minn dan il-proġett, bħalissa, b’konsultazzjoni sħiħa mal-kunsill lokali, qed jitpoġġew cables ġodda f’Birżebbuġa, raħal mal-baħar li kiber ħafna, u fih hemm attività kummerċjali b’saħħitha. Waqt żjara fuq ix-xogħlijiet f’din il-lokalità mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta Ryan Fava ġie spjegat kif qed jitpoġġew b’kollox 2.6 kilometru ta’ cables ġodda f’Birżebbuġa li fost oħrajn se jkomplu jsaħħu l-infrastruttura tal-enerġija u jipprovdu servizz aktar affidabbli u effiċjenti lill-komunità. Inħoloq link ġdid bejn iċ-ċentru tad-distribuzzjoni fil-Freeport u s-substations ta’ Birżebbuġa, biex tkompli tiżdied l-flessibbiltà u r-reżiljenza fin-netwerk. B’hekk, f’każ ta’ ħsara, in-netwerk ikun iktar flessibbli.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li dan il-proġett hu parti mill-viżjoni tal-Gvern biex tissaħħaħ u timmodernizza ruħha l-infrastruttura tal-enerġija għall-ġid tal-familji u n-negozji. “Is-sigurtà tal-provvista u l-effiċjenza huma prijorità. Qed naħdmu qatigħ biex nipprovdu sistema aħjar u aktar moderna għan-nies filwaqt li nippjanaw għall-futur.”
Min-naħa tiegħu l-Inġ. Fava fakkar li apparti dan l-investiment, għaddejjin xogħlijiet simili f’diversi lokalitajiet oħrajn bħala parti mill-proġett li jitpoġġew 60 kilometru ta’ cables ġodda f’21 lokalità madwar Malta u Għawdex bl-għan li titjieb il-kapaċità u l-affidabbiltà tal-provvista tal-elettriku fuq skala nazzjonali.