Minn Cristian Muscat
Għal Brendan Tanti, il-futbol mhuwiex biss sport iżda impenn kontinwu u parti essenzjali minn ħajtu, kemm fil-livell lokali ma’ Dingli Swallows kif ukoll fir-rwol tiegħu fl-istruttura tat-tim nazzjonali tan-nisa ta’ Malta.
Bħala segretarju tal-klabb u amministratur fil-futbol Malti, Tanti sar wieħed mill-aktar persuni involuti fl-iżvilupp ta’ żewġ ambjenti kompletament differenti iżda li t-tnejn huma għal qalbu.
Il-promozzjoni riċenti ta’ Dingli Swallows lejn il-BOV National Amateur League 1 kien mument ta’ ferħ kbir mhux biss għall-klabb, iżda wkoll għar-raħal kollu ta’ Ħad-Dingli. Din kienet kisba li waslet wara snin ta’ xogħol, ippjanar u sfidi kontinwi.
“Dingli huwa raħal importanti ħafna għalina u għall-klabb. Wara numru ta’ snin ma konniex esperjenzajna xi ħaġa simili. Kien hemm stennija twila, imma fl-aħħar qed naħsdu l-frott ta’ dak li ħdimna għalih,” qal Tanti f’intervista ma’ dan is-sit.
Dingli Swallows kellhom staġun b’saħħtu fil-BOV Amateur League II matul l-istaġun 2025/26, fejn bħalissa jinsabu fit-tieni post wara 22 logħba. Huma kisbu 15-il rebħa, 4 draws u 3 telfiet, għal total ta’ 49 punt. Id-difiża soda tagħhom, li sofriet biss 12-il gowl, kienet kruċjali f’dan is-suċċess.
Huwa spjega kif il-klabb għadda minn proċess ta’ tisħiħ gradwali, fejn ma kinux qed jiffukaw biss fuq riżultati immedjati, iżda fuq struttura aktar soda u sostenibbli għall-futur. Din il-bidla kienet tinkludi investiment fi plejers żgħażagħ, kif ukoll tisħiħ tal-iskwadra matul l-istaġun.
“Matul l-istaġun saħħaħna l-iskwadra b’mod intelliġenti. Hemmhekk rajna l-frott ta’ dak kollu li konna qed naħdmu għalih. Il-kowċ Nikolai Caruana kellu rwol importanti ħafna f’din il-progressjoni. L-għaqda fid-dressing room kienet kruċjali,” spjega Tanti.
Skont hu, is-suċċess ta’ Dingli Swallows ma ġiex b’kumbinazzjoni iżda kien riżultat ta’ koerenza bejn il-ġestjoni, il-kowċing staff u l-plejers. L-ispirtu tal-grupp u l-kultura tal-klabb kienu elementi fundamentali fil-kisba tal-promozzjoni.
“L-għaqda kienet kollox. Meta jkollok dressing room magħquda, kollox isir possibbli. Rajna plejers li taw kollox għal xulxin u għal dan il-klabb,” żied jgħid.
Il-promozzjoni lejn kampjonat ogħla ġġib magħha wkoll sfidi ġodda. Il-livell ta’ kompetizzjoni se jiżdied, u għalhekk il-klabb irid jikkunsidra b’mod attent kif isaħħaħ l-iskwadra tiegħu mingħajr ma jitlef l-identità tiegħu.
“Nemmnu li għandna pedament tajjeb ħafna. Għandna skwadra kompetittiva u ħafna plejers żgħażagħ li nistgħu nibnu fuqhom. Issa rridu naraw fejn nistgħu ntejbu u kif nistgħu nkomplu nikbru bħala klabb,” qal Tanti.
Mistoqsi dwar il-futur tal-iskwadra, inkluż il-possibbiltà ta’ bidliet fil-plejers barranin, Tanti kien kawt u enfasizza li d-deċiżjonijiet kollha se jittieħdu fil-ħin opportun u skont il-bżonnijiet tal-klabb.
“Il-kampjonat il-ġdid se joffri sfida differenti ħafna. Għad hemm deċiżjonijiet li jridu jittieħdu, inkluż dwar l-iskwadra. Kollox jiġi evalwat b’mod professjonali u fil-ħin it-tajjeb,” spjega.
Minbarra r-rwol tiegħu ma’ Dingli Swallows, Brendan Tanti għandu wkoll responsabbiltà importanti bħala team manager mat-tim nazzjonali tan-nisa ta’ Malta. Dan ir-rwol jinkludi xogħol fuq livell internazzjonali, b’kompetizzjonijiet Ewropej u programmi ta’ żvilupp tal-plejers.
Huwa ammetta li l-immaniġjar ta’ żewġ rwoli bħal dawn mhijiex faċli, speċjalment minħabba l-pressjoni tal-ħin u l-impenji differenti, iżda sostna li l-futbol jibqa’ l-passjoni ewlenija tiegħu.
“Il-ħin dejjem ikun sfida, imma l-futbol hu parti kbira minn ħajti. Dejjem inħares ’il quddiem u nipprova nagħti l-aħjar tiegħi kemm fuq livell ta’ klabb kif ukoll fuq livell nazzjonali,” qal Tanti.
Huwa spjega wkoll id-differenza bejn iż-żewġ rwoli tiegħu: wieħed ibbażat fuq komunità żgħira u oħra fuq livell internazzjonali.
“Wieħed hu klabb ta’ raħal żgħir bħal Dingli, u l-ieħor hu tim nazzjonali. Huma żewġ dinjiet differenti, imma t-tnejn għandhom sfidi tagħhom. It-tnejn huma għal qalbi ħafna u nagħti 100% tiegħi fihom,” kompla jgħid.
Tanti enfasizza li dawn l-esperjenzi differenti għenuh jikber kemm professjonalment kif ukoll personalment, peress li jagħtuh perspettiva usa’ tal-futbol Malti u l-istrutturi
tiegħu.
Is-suċċess ta’ Dingli Swallows huwa wkoll rifless ta’ proġett fit-tul li beda snin ilu, fejn il-klabb ħadem biex jerġa’ jibni identità kompetittiva. Il-promozzjoni mhijiex biss riżultat sportiv iżda wkoll simbolu ta’ xogħol kontinwu u dedikazzjoni.
“Din mhijiex biss promozzjoni. Hija r-riżultat ta’ snin ta’ xogħol, paċenzja u determinazzjoni. Il-klabb tagħna ħa direzzjoni ċara u qed naraw il-frott tagħha,” temm jgħid Tanti.
Bħala figura ewlenija kemm fil-livell lokali kif ukoll nazzjonali, Brendan Tanti jibqa’ wieħed mill-ismijiet li qed jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-iżvilupp tal-futbol Malti, b’passjoni li tgħaqqad żewġ dinjiet differenti iżda marbuta mill-istess imħabba għall-logħba.
B’ħarsa lejn il-futur, Tanti jibqa’ ffukat fuq titjib kontinwu, kemm fil-kwalità tal-iskwadra kif ukoll fl-istrutturi sportivi li jaħdem fihom. Il-messaġġ tiegħu jibqa’ ċar: il-futbol huwa proċess kontinwu ta’ xogħol, għaqda u passjoni u dan hu eżattament dak li jkompli jmexxih ’il quddiem.


