Id-dinja tax-xogħol hija waħda dinamika u tinbidel maż-żminijiet. Tilgħab ukoll rwol importanti fit-tfassil tal-ekonomija globali. Aktar ma’ l-ekonomiji jikbru u jissokta l-progress fis-soċjetajiet, in-natura tax-xogħol tgħaddi minn trasformazzjonijiet kbar. Id-dinja tax-xogħol rajnieha wkoll tinbidel bil-mixja mgħaġġla riċenti li saret fit-teknoloġija u anke matul il-pandemija tal-Covid-19.
Il-General Workers’ Union kienet minn ta’ quddiem biex tħares lejn dawn ir-realtajiet ġodda fid-dinja tax-xogħol u biex il-ħaddiema jkollhom tagħrif meħtieġ biex ikunu jistgħu jadattaw għalihom. Il-Union kontinwament insistiet fuq l-importanza tat-tagħlim b’tali mod li wieħed ikun jista’ jtejjeb il-karriera tiegħu u jkompli miexi ‘l quddiem fil-ħajja lavorattiva tiegħu.
Fid-dokument tagħha ta’ qabel il-budget, il-GWU minbarra li titkellem dwar id-dinja ġdida tax-xogħol, qiegħda tipproponi fost oħrajn li x-xogħol kollu li jsir mill-ħaddiema fil-jum tal-Ħadd jitħallas bir-rata doppja għal kull siegħa xogħol irrispettivament mis-settur u li jkun introdott qafas legali ġdid tat-telework u r-remote working.
Il-GWU qiegħda tipproponi wkoll ir-reviżjoni u l-aġġornament tal-liġijiet attwali tal-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali biex jilqgħu għal ekonomija li kontinwament qiegħda tinbidel. Qed ikun propost ukoll li l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li għandu jitħallas għandu jiġi kkalkulat mill-età ta’ 16-il sena ‘l fuq. Dan minħabba li bħalissa dawk bejn is-16 u t-18-il sena mhumiex ikkalkulati fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.
Tant id-dinja tax-xogħol hi importanti illi aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jiġi magħruf jekk il-pagi offruti humiex diċenti jew le. Tant hu hekk li l-imsieħba soċjali għaddejjin b’diskussjonijiet bil-għan li l-paga minima tiġi riveduta ‘l fuq.
Jekk l-Imsieħba Soċjali jaslu għal ftehim dwar dan, tkun it-tieni darba li rat il-paga minima tiżdied li f’dawn l-aħħar għaxar snin. Aħna nawguraw li dan il-ftehim jintlaħaq u jiġi aċċettat u dawk bl-inqas paga f’pajjiżna jitjiebilhom id-dħul tagħhom li jwassal biex jgħixu ħajja aktar diċenti.