Wednesday, April 24, 2024

Direttiva li tneżża’ lill-anzjani mill-umanità tagħhom

Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Joe Etienne Abela

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista huwa sinonimu mal-ġlieda għad-drittijiet tal-ħaddiema mingħajr ma xekkel l-istituzzjonijiet milli jaqdu dmirijiethom f’każi fejn deher fiċ-ċar li kien hemm nuqqasijiet ta’ ħaddiema individwali. Terġa u tgħid, dejjem kien Partit favur l-anzjani, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli. 

X’ser jiġri fir-rigward tal-aħħar direttiva tal-Unjin, l-MUMN? Issa, pajjiżna ilu minn Awwissu ma jistax idaħħal nies anzjani vulnerabbli jsibu posthom bħala residenti fi djar tal-Gvern għall-anzjani, fosthom San Vincenz de Paule. Wieħed jistaqsi għaliex? Dan kollu beda meta l-Imħallef Valenzja ta r-rapport tiegħu dwar l-inkjesta fuq il-mewt ta’ Charles Fino, li kien magħruf u maħbub sew fiż-Żurrieq. L-unjin ma aċċettatx il-verdett ta’ Valenzja u flok ma rat kif solviet l-ilment tagħha kif titlob il-liġi, għażlet li tfajjar direttiva diżumana li waslet biex mijiet ta’ anzjani vulnerabbli ma jidħlux fid-djar li l-Gvern ħejja għalihom. Anzjani li ma jifilħux iħallsu u jmorru privat. Anzjani li taw sehemhom għal pajjiżna u Ii fi żmien il-bżonn, sabu unjin diżinteressata mill-qagħda tagħhom. Sabu unjin b’pistola ma’ rashom, lesta li tkompli tirrifjuta l-inviti tal-Ministeru għall-Anzjanità Attiva għal diskussjonijiet. Miet raġel bla bżonn u bla ħtija u għax b’indipendenza u trasparenza ittieħdu passi kif jixraq, l-unjin qed tiżbarra l-bieb. Din hija direttiva li qatt ma kellna f’pajjiżna. Din mhux talli tgħaffeġ lil-batut imma tirriskja s-saħħa publikka billi toħnoq l-operat ta’ Mater Dei. Irridu nżommu f’moħħna li deħlin għall-qofol tax-Xitwa u ma jistax ikollok sodod f’Mater Dei okkupati minn anzjani li qed jistennew ikunu trasferiti biex jidħlu f’residenzi li huma disponibbli għalihom. Mitt sodda f’Mater Dei okkupati għalxejn u San Vinċenz bi kwazi mitejn sodda vojta! L-unjin forsi mhix tiftakar li l-influss tal-pazjenti fix-Xitwa jista’ jkun kbir u minħabba f’hekk, tista’ tkun ipparalizzata s-sistema tas-saħħa fil-ġimgħat li ġejjin. 

Jikteb Joe Etienne Abela

Paul Pace flok qed jara t-triq ‘il quddiem qed ikompli jwebbes rasu u ma jridx jiltaqa’ mal-Ministru Abela. Ir-rettezza u t-trasparenza qishom m’humiex fil-menu tal-unjin. Il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva ħadem biex 77 infermier ġdid ikun ingaġġat biex tittaffa l-problema tan-nuqqas ta’ infermiera. Iżjed minn hekk, il-Gvern kera 40 sodda f’residenzi tal-anzjani privati u se jikri 40 oħra l-ġimgħa li ġejja biex innaqsu l-impatt ta’ din id-direttiva kattiva. Dan għad-detriment li qed jintefqu flejjes fil-vojt meta hemm is-sodod tal-Gvern. Flus li setgħu ntużaw biex ikomplu jitjiebu s-servizzi u jinħolqu oħrajn ġodda kif diġà sar f’dawn l-aħħar xhur.

Il-Ministru Jo Etienne Abela jidher ċar li qed jipprova jibni l-pontijiet ma’ kull min lest jaħdem ġenwinament tant li fl-aħħar xhur, rajna bosta inizjattivi jitwettqu mill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva favur kwalità ta’ ħajja aħjar għall-anzjani. Uħud minnhom huma:

• L-ewwel klinika f’Malta tal-podjatrija għall-anzjani bid-dimensja u li jgħixu fil-komunità; servizz ġdid li jingħata f’San Vinċenz de Paul, 

• Servizz ta’ terapija u appoġġ psikoloġiku għall-anzjani li jormlu liema servizz qiegħed jingħata primarjament fi kliniċi madwar Malta, fosthom f’Raħal Ġdid, Ħal Qormi, Birkirkara, iż-Żurrieq u l-Imtarfa

• Ir-residenti tal-Isptar San Vinċenz se jkunu jistgħu jgawdu minn Dementia Garden li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqu b’investiment ta’ €750,000

• Servizz ġdid ta’ eżerċizzju għall-anzjani bil-kundizzjoni tal-artrite li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Il-programm ‘Disease Management,’ li huwa mmirat għal persuni li għandhom sittin sena jew aktar, li jgħixu fil-komunità u li għandhom l-artrite fil-ġenb u fl-irkoppa, dak magħruf aħjar bħala l-hip and knee arthritis.

• Tnediet il-kampanja ta’ screening kontra l-puplesija bl-isem ‘Say No to Stroke’għal dawk kollha li għandhom ħamsa u sittin sena jew aktar.

• Intlaħaq ftehim bejn San Vinċenz de Paul u l-Assoċjazzjoni Malta Mind Sports biex jibdew jiġu organizzati sessjonijiet ta’ logħob għar-residenti

• Ġiet inawgurata klinika multi dixxiplinari ġewwa Dar Padova f’Għajnsielem, Għawdex, b’investiment ta’ €140,000.

• Estensjoni tas-Servizz Silver T f’Ħaż-Żabbar u f’Għawdex biex jaqdi lill-anzjani favur mobbilità aħjar biex jagħmlu l-qadi tagħhom

Dan kollu jidher li qed isir bil-għaqal biex titjieb il-ħajja tal-anzjani tagħna. Jidher biċ-ċar li huwa Ministru li jemmen f’dak li jkun qed jagħmel, jistaqsi, jixtarr u jmidd idu biex jirranġa dak li forsi ħaqqu titjieb jew tibdil. Ma jistax ikun li minħabba għebusija tar-ras tixxekkel il-ħidma speċjalment fejn tidħol is-saħħa tal-anzjani, iżjed u iżjed meta f’pajjiżna għandna għodda f’idna li mhix tintuża u ma tistax tintuża minħabba direttiva li qed tattakka mhux lill-Ministru jew lill-Gvern, iżda lill-anzjani dirett.

Sport