Tuesday, November 3, 2026
Home Internazzjonali Disgħa jmutu fi kraxx ta’ ajruplan żgħir fi Florida

Disgħa jmutu fi kraxx ta’ ajruplan żgħir fi Florida

0
56

Ajruplan privat iġġarraf fi triq f’żona residenzjali fi Florida nhar il-Ħadd, bil-konsegwenza li nqatlu d-disa’ persuni kollha li kienu abbord. L-inċident seħħ qrib Cresthaven, madwar disa’ mili ’il bogħod minn Mar-a-Lago – il-kumpless tal-President Donald Trump, li jinsab fiż-żona sinjura ta’ Palm Beach County.

Ritratti meħuda tax-xena wara li seħħ l-inċident juru ħofra f’nofs triq residenzjali, b’nirien ħerġin minnha f’postijiet differenti u biċċiet tal-konkos kif ukoll fdalijiet tal-ajruplan, tat-tip Learjet 60, imxerrdin mal-art.

L-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni (FAA) fi stqarrija qalet li l-ajruplan telaq minn Austin, f’Texas, u kien fuq vjaġġ lejn il-Baħamas.

Rapporti fil-midja Amerikana u analiżi tat-titjira indikaw li l-ajruplan kien qed jinżel b’veloċità għolja ħafna – mijiet ta’ metri kull sekonda – qabel ma ġġarraf. Minn reġistrazzjoni awdjo tal-komunikazzjoni mal-kontroll tat-traffiku tal-ajru li saret ftit mumenti qabel it-tiġrif, il-pilota jinstema’ jgħid li l-ajruplan kien qed jinżel b’rata ta’ 10,000 pied kull minuta.

Filmat mhux ivverifikat, ippubblikat fuq il-midja soċjali, juri vetturi għaddejjin fi triq residenzjali f’żona suburbana, meta f’daqqa waħda ajruplan nieżel dritt ’l isfel lejn l-art, kważi vertikalment, u jisplodi fi ballun kbir ta’ nar.

Għadu mhux ċar min kien abbord l-ajruplan meta seħħet id-diżgrazzja iżda ingħad li l-impatt tal-kraxx ikkawża ħsara konsiderevoli lill-infrastruttura lokali, inklużi l-pajpijiet tal-ilma, u li se jgħaddu mill-inqas 30 jum qabel ma t-triq terġa’ tinfetaħ.

Fil-ħin tal-inċident fatali ġew irrappurtati maltempati bir-ragħad fiż-żona u xita qawwija. Nhar il-Ħadd filgħodu, Donald Trump kien jinsab f’Mar-a-Lago, u telaq minn ajruport fil-qrib abbord l-Air Force One madwar siegħa qabel ma seħħ il-kraxx tal-ajruplan.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here