Tuesday, November 3, 2026
Home Opinjoni Kemm tassew nisimgħu wara “tajjeb”? 

Kemm tassew nisimgħu wara “tajjeb”? 

Minn Mariah Meli, Membru Parlamentari

0
71

Kemm-il darba nistaqsu liż-żgħażagħ kif inhuma, jgħidulna “tajjeb”, u nibqgħu għaddejjin? Wara dik il-kelma jista’ jkun hemm serħan il-moħħ, iżda jista’ jkun hemm ukoll ansjetà, pressjoni jew diffikultà li għadu ma jafx kif jesprimi.

Fl-aġġornament Parlamentari li għamilt nhar l-Erbgħa li għaddha, sħaqt f’kemm għandna responsabbiltà nifhmu aħjar dawn ir-realtajiet. Il-politika trid twieġeb għall-ħtiġijiet tan-nies u tagħtihom appoġġ fil-ħin. Għalija, dan jibda minn investiment serju u effettiv fil-prevenzjoni u fil-ħiliet għall-ħajja. Ir-rapport tal-ESPAD, 2024, li rreferejt għalih fid-diskors għandu jwassalna biex inħarsu lejn il-persuni wara ċ-ċifri. Meta nitkellmu dwar is-sustanzi jew l-imġiba diġitali, irridu nistaqsu wkoll x’qed ifittxu ż-żgħażagħ, pereżempju, ħbiberija, aċċettazzjoni, jew ħarba minn pressjoni li qed isibuha diffiċli jġorru.

Bħala politikanta soċjalista, nemmen li għandna nkunu preżenti qabel mal-problema tikber, u nibqgħu hemm meta persuna teħtieġ il-kura. Il-vizzji jistgħu jolqtu s-saħħa, il-finanzi u r-relazzjonijiet tal-familja kollha. Min ikun qed ibati għandu jsib dinjità, min jisimgħu u triq ċara lejn l-għajnuna. Il-prevenzjoni tibda wkoll minn kif ngħallmu lit-tfal jaffaċċjaw id-diżappunt, jagħrfu l-emozzjonijiet tagħhom u jieħdu deċiżjonijiet taħt pressjoni. It-talba għall-għajnuna hija ħila li għandna nrawmu sa minn kmieni. Dawn il-ħiliet iridu jiġu pprattikati u msaħħa tul iż-żmien, fir-relazzjonijiet u fl-esperjenzi ta’ kuljum.

Għalhekk ipproponejt proġett pilota f’numru ta’ skejjel f’Malta u Għawdex, b’kollaborazzjoni bejn is-servizzi pubbliċi, u l-għaqdiet volontarji li jaħdmu f’dan il-qasam. Għandu jibni fuq il-programmi eżistenti u jsaħħaħ ir-rabta bejn l-iskola, id-dar u l-komunità b’mod holistiku.

L-ewwel pass għandu jkun li naraw lil min diġà qed nilħqu u fejn għad hemm nuqqas ta’ aċċess jew kontinwità. L-edukaturi, il-ġenituri u l-voluntiera għandhom jingħataw gwida prattika u taħriġ xieraq. Evalwazzjoni ċara għandha turina x’qed jaħdem, x’jeħtieġ jitjieb u jekk għandniex nestendu dan l-approċċ.

L-iskejjel jeħtieġu sħab f’din il-ħidm, flimkien mal-għaqdiet sportivi, l-Iscouts u l-għaqdiet kulturali jistgħu jsaħħu dawn il-ħiliet permezz tar-relazzjonijiet ta’ fiduċja li jibnu mat-tfal. Il-ġenituri wkoll jeħtieġu appoġġ biex jaffaċċjaw il-pressjonijiet tagħhom u jtejbu l-komunikazzjoni ma’ wliedhom. Tifel jew tifla għandhom jikbru jafu li jistgħu jgħidu “qed nibża’” jew “għandi bżonn nitkellem” u meta tintalab l-għajnuna, għandhom isibu min jismagħhom u jieħduhom bis-serjetà.

Fl-istess waqt, irridu nkunu ċari li anke persuna b’ħiliet tajbin tista’ tesperjenza problemi ta’ saħħa mentali u għalhekk ħadd ma għandu jħoss li t-tbatija tiegħu tfisser li ma ppruvax biżżejjed. B’hekk nisħaq li l-kura professjonali tibqa’ essenzjali u għandha tibqa’ dritt, iżda dan jitlob ukoll servizzi li jaħdmu flimkien. Meta fl-istess familja jiltaqgħu diffikultajiet emozzjonali, problemi finanzjarji u vizzji, l-appoġġ għandu jindirizza dawn il-ħtiġijiet b’mod koordinat. Persuna li ssib il-kuraġġ titlob l-għajnuna għandha ssib kontinwità, gwida u sostenn, mingħajr ma tintilef minn servizz għal ieħor.

It-tfal tal-lum huma l-ġenituri, il-ħaddiema u l-mexxejja ta’ għada, b’hekk dak li nitgħallmu nagħtuhom illum, jista’ jsaħħaħ il-familji u l-komunitajiet tal-futur.

Dan huwa investiment li jitlob impenn komuni u responsabbiltà kontinwa. Għandna nagħtu lil kull tifel u tifla l-opportunità li jikbru b’aktar fiduċja fihom infushom u f’ħaddieħor tul il-ħajja kollha tagħhom. Għalhekk il-prevenzjoni għandha tkun impenn fit-tul għax “Malta Miegħek” tfisser li l-appoġġ ikun hemm meta jkun meħtieġ, u qabel mad-diffikultajiet jikbru. Meta żagħżugħ jgħidilna “tajjeb”, ejjew ikollna l-ħin nisimgħu, il-kuraġġ nistaqsu aktar u s-servizzi lesti biex jgħinuh.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here