Sunday, December 22, 2024

DJ mixli li stupra tfajla f’residenza f’Paceville

Aqra wkoll

Kolumbjan ta’ 32 sena, li jaħdem bħala DJ, baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli bi stupru fuq tfajla f’residenza f’Paceville. 

Il-Qorti semgħet kif il-vittma kienet marret għand il-pulizija biex tirrapporta l-allegat każ imbikkma. Hija qaltilhom li wara li kienet talbet lid-DJ idoqqilha diska, l-imputat allegatament kien sfurzaha biex tmur id-dar tiegħu. Fil-Qorti ntqal ukoll li fil-ġurnata ta’ wara, l-imputat kien kellem lill-vittma fuq Instagram fejn skuża ruħu magħha għal dak li ġara.

L-imputat, li ismu mhux jixxandar fuq ordni tal-Qorti, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba li l-vittma għad trid tixhed f’dawn il-proċeduri u peress li l-imputat ma kellu l-ebda rabtiet ma’ Malta. 

Min-naħa tagħha, id-Difiża argumentat li l-imputat “m’għandux jiġi diskriminat minħabba li huwa barrani” u li l-vittma diġà xehdet fl-inkjesta. 

Kien hawn fejn il-Prosekuzzjoni qalet li l-mara kienet wieġbet biss għal xi mistoqsijiet relatati mal-eżami mediko-legali u ma tatx rendikont sħiħ ta’ dak li ġara. “Din il-verżjoni lanqas biss ma hi maħlufa,” qalet il-Prosekuzzjoni.

Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, minħabba l-fatt li l-vittma għadha trid tixhed u minħabba l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi John Spiteri u Brian Xuereb. F’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dehret l-Avukat Darlene Grima.

L-imputat qed ikun assistit mill-Avukati Rachel Tua u Edmund Cuschieri. L-Avukat Alfred Abela qed jidher parte civile għall-vittma.

Ekonomija

Sport