Friday, May 3, 2024

Dr Muscat jgħid li mingħajr l-għajnuniet tal-Gvern, il-COLA kienet tqarreb l-€20 jew taqbiżhom

… Favur viżjoni ekonomika li toffri lok għal flessibbiltà ta’ ċaqliq

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Xi kultant ikollna memorja qasira. Niftakar meta l-COLA kienet sempliċiment 50 ċenteżmu kien hemm kritika enormi, jien dak iż-żmien kont għidt li COLA għolja mhijiex aħbar tajba”. Iddikjara dan ma’ L-Orizzont l-ekonomista Joseph Muscat meta mitlub jikkummenta dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż hekk kif ninsabu biss ftit jiem bogħod mill-budget tas-sena 2024.

Dr Muscat qal li COLA mhijiex żieda, iżda kumpens li jingħata għaż-żieda fil-prezzijiet li tkun sofrejt fis-sena ta’ qabel. Kompla biex jispjega li aktar kemm tkun għolja iktar fil-verità jkun hemm problema ta’ inflazzjoni u dak li jkun iktar ikun ħareġ mill-but iżjed qabel.

“Dak iż-żmien għax il-prezzijiet kienu taħt kontroll kien hemm il-kritika għax il-COLA baxxa, issa hemm il-kritika għax il-COLA għolja”, kompla biex jgħid Dr Muscat filwaqt li ċċara li l-frott taż-żieda fil-prezzijiet fejn li ma kienx għall-intervent tal-gvern, il-COLA kienet tkun ferm ogħla minn €13 fil-ġimgħa u assuma li jekk ma kinitx saħansitra taqbeż l-€20, kienet tqarribhom. Huwa kompla biex jgħid li ma jiswa xejn għall-ħaddiem li jkollu żieda ta’ €20 jew €25 fil-ġimgħa u mbagħad jirċievi kontijiet li jsallbuh.

Dr Muscat sostna li fid-dawl ta’ dan kollu, il-gvern għandu jara li ma jkunx hemm sitwazzjoni fejn hu stess bil-politika tiegħu jkun qiegħed iżid il-pressjoni u l-piż fuq l-industrija għax jista’ jwassal għal dik li tissejjaħ ‘Wage price spiral’ fejn ikollok talba għal żieda fis-salarji li twassal għal żieda fil-prezzijiet li twassal għal żieda oħra fis-salarji.

Gvern li jrid jevita staġnar u inflazzjoni akkost ta’ kollox

Rigward l-ewwel indikazzjonijiet ta’ budget ieħor espansjonarju, Dr Muscat fakkar minn fejn beda l-kunċett ta’ spalla għall-familji kollha Maltin u Għawdxin meta l-gvern fl-2014 kien ħa d-deċiżjoni li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u ma ċċaqalqux minn dakinhar u għalhekk filwaqt li għolew il-prezzijiet hemm cushion enormi li qiegħed iservi għalih il-gvern. Rigward il-bilanċ bejn in-nefqa tal-gvern u d-dħul, Dr Muscat qal li huwa żgur huwa li ma jistax ikollok inflazzjoni u ekonomija li qiegħda tistaġna għax ikollok dik li tissejjaħ Stagflation fejn ikollok staġnar u inflazzjoni u dik hija sitwazzjoni li trid tiġi evitata akkost ta’ kollox.

Il-ħaddiem huwa konsumatur ukoll

Staqsejna lil Dr Muscat rigward il-biża’ li l-poplu jkollu jagħmel tajjeb għal żieda sostanzjali fil-COLA u anke fil-paga minima għax min iħaddem mhux se jasal biex joħroġ dawn iż-żidiet minn butu u allura jrid jagħmel tajjeb għalihom minn xi mkien ieħor bħalma hija żieda fil-prezzijiet. Huwa qalilna li l-ħaddiem huwa l-konsumatur ukoll u għalhekk kemm jista’ jkun irid ikollok sitwazzjoni fejn il-ħaddiem qed jaffordja l-prodott li qiegħed jipproduċi u stess u ġab l-eżempju tar-rivoluzzjoni ta’ Henry Ford li kien kapaċi jagħmel karozza li l-ħaddiema tiegħu stess kienu kapaċi jixtru.

Diversi esponenti inkluż l-Kamra tal-Kummerċ fl-aħħar xhur qegħdin jisħqu dwar pjan ekonomiku ġdid. Mitlub jikkummenta dwar dan, Dr Muscat qal li fl-opinjoni tiegħu l-idea li xi ħaġa tieħu post l-oħra mhijiex l-ideali u li jemmen aktar fuq l-addizzjonali.

“L-istorja ta’ pajjiżna turi li lil hinn minn karti pajjiżna għandu bżonn iwettaq. Niftakar pjan ekonomiku li kien sar taħt gvern Nazzjonalista li kien jgħid li rridu nattiraw qasam tal-edukazzjoni li jattira investiment biex meta ġiet Università tinvesti f’pajjiżna kien hawn ħafna kritika kontriha”, kompla Dr Muscat filwaqt li saħaq dwar il-bżonn li tinżamm il-koerenza u saħaq li din tinżamm billi fuq kollox tindokra s-setturi tradizzjonali bħalma huma l-fabbriki.

“Kien hemm żmien li fis-snin 2000 kienu qalulna li l-fabbriki għandhom jagħlqu u li l-fabbriki tat-tessuti u hekk m’għadx hemm posthom. Kien hemm qisu sinjal li min jagħmel dak ix-xogħol kien għar-rimi. Mhux il-fatt għax anke l-politika ekonomika tal-Unjoni Ewropea turi li dawn is-setturi tradizzjonali għad hemm bżonnhom. Għalhekk għandna nżommuhom, inżommu wkoll is-setturi l-ġodda li bdew jinbtu matul is-snin bħalma huma l-avjazzjoni u l-gaming, u jekk ikun hemm setturi ġodda jeħtieġ li ninkoraġġuhom”, tenna Dr Muscat.

Pjan ekonomiku fit-tul? … l-importanza li l-gvern ikollu viżjoni

Staqsejna wkoll dwar jekk pjan ekonomiku ġdid għandux ikollu viżjoni ekonomika fit-tul. Dwar dan huwa qalilna li hemm skejjel ta’ ħsieb differenti. Huwa sostna li l-pajjiż għandu bżonn viżjoni biex ikun jaf id-direzzjoni fejn sejjer. Huwa aċċenna għall-pjan strutturali għal Malta li kien sar fid-disgħinijiet kien ġie stuprat għax tant kien fih dettalji li biż-żmien ġie miksur kollu kemm hu.

“Jien illum fl-2023 nista’ nippjana fejn nixtieq inkun fl-2035 imma ma nafx x’se jkunu l-bżonnijiet tal-poplu ta’ dak iż-żmien. Tliet snin ilu konna naħsbu li wieħed mill-oqsma ewlenin tal-ospitalità f’Malta se jkun id-delivery service meta ħadd ma kien jieħu delivery forsi kien hawn ftit take away uek? Kif tista’ tippjana xi ħaġa bħal dik jekk ikollok pjan li ma tistax tiċċaqlaq minnu?

Allura jien ngħid li għandu jkollok viżjoni fejn taf fejn għandek tasal, taf x’inhuma s-setturi ewlenin, imma tagħti l-flessibbiltà li tista’ tiċċaqlaq matul dik it-triq”, temm Dr Muscat.

Sport