Sunday, December 22, 2024

€1,200 multa talli dar bla indicator u daħal f’uffiċjal tal-LESA

Aqra wkoll

Carlo Dore, Taljan ta’ 58 sena ammetta quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima li nhar is-Sibt għall-ħabta tat-8.10am waqt li kien qiegħed isuq fi Triq D’Argens fl-Imsida, me xegħelx l-indikatur tal-vettura li kien qed isuq u qaleb il-karreġġjata bir-riżultat li kien hemm inċident tat-traffiku.

F’dan l-inċident uffiċjal tal-LESA li kienet qiegħda ssuq mutur weġġgħet gravi u anke saret ħsara fuq il-mutur.

L-Ispetturi Nico Zarb u Darryl Farr li mexxew il-Prosekuzzjoni qalu fil-Qorti li l-każ huwa wieħed dwar inċident stradali. Qalu li l-akkużat ma xegħelx l-indikatur u dan wassal biex kellu impatt ma’ mutur. L-Ispetturi qalu li hu kkopera mal-pulizija u talbu biex il-Qorti tagħti piena minima.

Min-naħa tiegħu l-Avukat tat-Taljan Victor Bugeja qal li l-klijent tiegħu jinsab Malta fuq vaganza u fl-Italja jaħdem ta’ artiġjan. Hu rrikonoxxa li naqas meta ma xegħelx l-indikatur u minkejja li ħares qabel ma qaleb il-karreġġjata biex jara jekk hux ġej xi ħadd, l-uffiċjal tal-LESA kienet qed issuq b’veloċità u għalhekk hu ma kellux ċans jevita.

Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Maġistrat Grima sabet lil Carlo Dore ħati wara anke li ammetta l-akkużi kontrih u kkundannatu multa ta’ €1,200 li jrid iħallas b’mod immedjat qabel iħalli Malta għada.

Ekonomija

Sport