Minn Cristian Muscat
L-eks coach tat-team nazzjonali Taljan tan-nisa, Milena Bertolini, bdiet avventura ġdida fil-football Malti wara li qed isservi fil-proġett tekniku tat-team nazzjonali Malti tan-Nisa.
F’intervista ma’ dan is-sit, Bertolini tkellmet dwar l-ewwel impressjonijiet tagħha ta’ Malta, il-potenzjal tal-football tan-nisa f’pajjiżna, dwar l-istilla Maltija Haley Bugeja, l-esperjenza tagħha mal-Italja u l-iżvilupp kbir li rat fil-logħba tan-nisa matul is-snin.
Il-ħatra ta’ Milena Bertolini bħala Technical Advisor tat-team nazzjonali Malti tan-Nisa ġabet magħha esperjenza konsiderevoli f’dan is-settur.
Bertolini kienet il-coach nazzjonali tal-Italja bejn l-2017 u l-2023 u mexxiet lill-Azzurre sal-kwarti-finali tat-Tazza tad-Dinja 2019, fl-ewwel parteċipazzjoni tagħhom f’din il-kompetizzjoni wara nuqqas ta’ 20 sena.
Issa fetħet kapitlu ġdid fil-karriera tagħha f’Malta, fejn se tkun qed taħdem qrib il-coach nazzjonali, Manuela Tesse u l-istaff tekniku.
Fl-ewwel kummenti tagħha, Bertolini ma ħbietx is-sodisfazzjon tagħha għal din l-opportunità.
“Ninsab kuntenta ħafna li qegħda hawn Malta u li aċċettajt din l-avventura. Irrid inġib l-esperjenza tiegħi u nagħti l-kontribut tiegħi biex dan il-proġett ikompli jikber,” hija qalet
L-ewwel jiem tagħha f’Malta kienu akkumpanjati minn riżultat pożittiv, bir-rebħa ta’ 1-0 kontra l-Lussemburgu f’partita ta’ ħbiberija internazzjonali.
Bertolini qalet li rat diversi aspetti inkoraġġanti fil-prestazzjoni Maltija.
“Il-players kellhom partita tajba. Kien hemm indikazzjonijiet pożittivi u dawn huma affarijiet importanti għalina biex nifhmu fejn qegħdin u fejn nistgħu ntejbu.”
Parti importanti mill-proġett, skont Bertolini, hija li aktar players Maltin ikollhom esperjenzi barra minn xtutna. Aktar ma l-players ikunu esposti għal livelli differenti u aktar kompetittivi, aktar dan jista’ jgħin lit-team nazzjonali.
“Huwa importanti li l-players jilagħbu barra minn Malta u jiksbu esperjenza internazzjonali. Dan jgħinhom jikbru u jiżviluppaw. Fl-istess ħin irridu naraw dejjem aktar tfajliet jibdew jilagħbu l-football.”
Naturalment, wieħed mill-ismijiet li tqajjem waqt l-intervista kien dak ta’ Haley Bugeja, li Bertolini taf sew mill-esperjenza tal-attakkanta Maltija fl-Italja.
It-Taljana kellha kliem ta’ tifħir kbir għal Bugeja.
“Haley għandha futur mill-isbaħ. Nafha sew għax kienet tilgħab ma’ Sassuolo. Għandha talent kbir u, fuq kollox, għandha x-xewqa li dejjem tkompli titjieb.”
Illum Bugeja qed tilgħab ma’ Inter u kompliet tistabbilixxi ruħha bħala waħda mill-aktar players Maltin importanti fix-xena internazzjonali.
Għal Bertolini, players bħal Bugeja jistgħu jkunu ta’ eżempju għall-ġenerazzjonijiet iżgħar u juru li player Maltija tista’ tasal f’kampjonati ta’ livell għoli jekk ikollha talent, determinazzjoni u ambizzjoni.

Qabel il-karriera importanti tagħha bħala coach, Bertolini kellha wkoll karriera ta’ suċċess bħala player. Bħala difensur rebħet tliet kampjonati Taljani.
Meta staqsejnieha dwar dak il-perjodu, iddeskrivietu bħala wieħed mill-isbaħ ta’ ħajjitha.
“Kien perjodu sabiħ ħafna. Meta tilgħab il-football taqsam ħafna esperjenzi ma’ sħabek u dawn huma esperjenzi li jgħinuk tikber kemm bħala player kif ukoll bħala persuna.”
Iżda x’inhu l-aktar diffiċli, tkun player jew tkun coach?
Bertolini spjegat li r-responsabbiltà tinbidel kompletament.
“Meta tkun player taħseb ħafna fuq il-wirja tiegħek. Meta tkun coach, min-naħa l-oħra, għandek team sħiħ x’taħseb fih. Għalhekk huma importanti ħafna l-kapaċità tar-relazzjonijiet u l-mod kif tikkomunika u taħdem man-nies.”
Bertolini tqis is-sitt snin tagħha fit-tmexxija tal-Italja bħala esperjenza indimentikabbli.
“Kienu sitt snin sbieħ ħafna iżda intensi wkoll,” hija sostniet.
Fost il-memorji li baqgħu magħha semmiet partiti importanti li ffurmaw parti mill-mixja tal-Azzurre, inklużi l-konfronti kontra l-Portugall u l-Awstralja u l-esperjenzi fil-kompetizzjonijiet internazzjonali.
Il-punt ewlieni tal-esperjenza tagħha mal-Italja jibqa’ bla dubju t-Tazza tad-Dinja tal-2019, fi Franza, fejn l-Italja waslet sal-kwarti-finali. Dak it-tournament kellu wkoll rwol importanti biex il-football tan-nisa kiseb aktar attenzjoni fl-Italja.
Bertolini temmen li l-Italja tal-lum għandha l-potenzjal li tkompli tikkompeti fuq l-ogħla livell.
“Hemm ħafna pajjiżi b’saħħithom, iżda t-team nazzjonali Taljan huwa b’saħħtu wkoll. It-timijiet Taljani qed jikkompetu fil-UEFA Champions League u hemm players żgħażagħ interessanti ħafna.”
Bertolini esperjenzat minn ġewwa t-trasformazzjoni tal-football tan-nisa.
Fi żmien meta kienet player, kien għad hemm ħafna preġudizzji dwar tfajliet li jagħżlu l-football. Illum is-sitwazzjoni hija ferm differenti.
“Qabel kien għad hemm it-tabù dwar mara li tilgħab il-football. Illum qed naraw aktar investiment, aktar professjonalità u bidla kbira fil-mentalità.”
Madankollu, hija sostniet li għad fadal ħafna xogħol xi jsir.
“Hemm pajjiżi li diġà jinsabu ħafna ’l quddiem, għalhekk irridu nkomplu naħdmu u ninvestu.”
Dan iwassal għall-isfida tagħha f’Malta.
Bertolini temmen li l-football Malti tan-nisa għandu spazju biex ikompli javvanza anke fil-klassifika internazzjonali.
“Hawn Malta bosta tfajliet li għandhom kwalità. Malta tista’ titla’ fir-rankings. Kollox jiddependi mix-xewqa li jkun hemm biex il-football tan-nisa jkompli jitjieb u jiżviluppa.”
Għalhekk il-ħidma trid issir fuq diversi livelli: mill-bażi u ż-żieda fin-numru ta’ tfajliet li jagħżlu l-football, sal-iżvilupp tal-players tat-team nazzjonali u l-opportunitajiet biex aktar minnhom jilagħbu barra minn Malta.
Meta dan is-sit staqsiha fejn tara lilha nnifisha għaxar snin oħra, Bertolini ppreferiet ma tħarisx daqshekk ’il bogħod.
“Ma nafx fejn se nkun għaxar snin oħra, iżda żgur li dejjem se nibqa’ nsegwi l-football għax inħobbu.”
U għal dawk it-tfajliet żgħażagħ li għadhom qed jibdew il-mixja tagħhom fil-logħba, Bertolini kellha messaġġ sempliċi iżda importanti.
“Il-football fil-ħajja jagħtik ħafna. Ilagħbuh bil-pjaċir, bil-passjoni u bil-ferħ … ul-bqija jiġi wara. Il-football jgħinek tikber, jagħtik fiduċja fik innifsek u ssaħħaħ l-istima tiegħek innifsek.”
Huwa proprju dan il-messaġġ li jiġbor fil-qosor il-filosofija ta’ Milena Bertolini. Wara karriera bħala player, snin ta’ suċċess fil-football Taljan u esperjenza fuq l-akbar palkijiet internazzjonali, issa qed iġġib l-għarfien tagħha f’Malta.
Il-mira mhijiex biss ir-riżultat li jmiss, iżda li tgħin biex jinbena ambjent fejn aktar tfajliet jilagħbu l-football, aktar players Maltin jiksbu esperjenza internazzjonali u t-team nazzjonali Malti tan-nisa jkun jista’ jkompli jagħmel passi ’l quddiem.





