Friday, November 15, 2024

€166 miljun f’fondi Ewropej għas-settur agrikolu

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Ewropea approvat il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni għas-snin 2023-2027. B’allokazzjoni ta’ €166 miljun f’fondi Ewropej, il-Gvern Malti se jkun jista’ jkompli jinvesti fis-settur agrikolu u jindirizza sfidi nazzjonali li jaffettwaw dan is-settur u żoni rurali.

B’dawn il-fondi, l-pjan għandu l-għan li jkompli jgħin fejn jidħol is-sigurtà tal-ikel u l-miri ambjentali u klimatiċi, fost oħrajn. Il-gvern se jniedi inizjattivi u jinvesti fil-bdiewa anki permezz ta’ skemi ġodda li għandhom l-għan li jgħinu b’mod dirett lill-bdiewa, fosthom biex jinvestu u jiddiversifikaw, kif ukoll se jinħarġu skemi apposta biex żgħażagħ jiġu inkuraġġiti jidħlu f’dan ix-xogħol. 

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal li “B’sodisfazzjoni kbir nilqa’ l-aħbar li l-Kummissjoni Ewropea approvat il-Pjan Strateġiku ta’ Malta dwar il-Politika Komuni Agrikola mill-1 ta’ Jannar li ġej.

Permezz ta’ dan il-pjan, pajjiżna se jkun qed jassigura li l-qasam agrikolu jibqa’ jissaħħaħ u jsir aktar sostenibbli, reżiljenti u modern.”

Il-ministru kompla jgħid li s-settur agrikolu Malti qed jaffaċċja bosta sfidi, u l-pjan strateġiku qed jara li l-bdiewa Maltin u Għawdxin ikollhom dħul ġust għax-xogħol li jwettqu. “Dan jimlina b’kuraġġ ukoll, hekk kif fi żmien li l-isfidi internazzjonali qed iħallu impatt fuq is-settur agrikolu ta’ pajjiżna, dawn il-Fondi Ewropew li pajjiżna nnegozja b’suċċess, se jkunu qed ikomplu jservu ta’ spalla għall-ħaddiema kollha f’dan il-qasam”, ikkonkluda l-Ministru Refalo.

Il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri qal li dawn huma fondi li se jintużaw f’settur importanti ħafna għal pajjiżna, speċjalment fl-isfond tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Huwa sostna li “Irridu naraw li l-bdiewa tagħna jinvestu fi proġetti diversi u sostenibbli biex b’hekk jibqgħu jiżguraw li jkollna sigurtà fl-ikel.”

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li pajjiżna rnexxielu jinnegozja b’suċċess dan il-pjan strateġiku mal-Kummissjoni Ewropea li permezz tiegħu Malta ser tingħata €166 Miljun f’fondi Ewropej għas-settur agrikolu. “B’dawn il-fondi mhux biss se nindirizzaw l-isfidi ambjentali li qed iħallu impatt fuq dan is-settur, imma se nkomplu ngħinu b’mod tanġibbli lill-bdiewa u nintervjenu u ninvestu fejn hemm bżonn f’dan is-settur importanti għal pajjiżna”, qal is-segretarju parlamentari.

Ekonomija

Sport