Thursday, December 26, 2024

€4.5 miljun għal aktar servizzi fil-komunità b’rabta mas-saħħa mentali

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern se jkun qiegħed jinvesti €4.5 miljun biex jiżdiedu s-servizzi relatati mas-saħħa mentali fil-komunità. B’din il-miżura, li tħabbret fil-Budget 2025, il-Gvern se jkun qiegħed jagħti aktar għajnuna mingħajr ħlas lil min jeħtieġha.

Din il-miżura tħabbret f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.

Il-Ministru Abela esprima x-xewqa li din l-inizjattiva tintlaqa’ b’mod tajjeb għaliex bħala Gvern jemmen ħafna fiha. Qal li lil hinn mill-fondi allokati, is-servizzi li qed jipproponu huma pjuttost ħolistiċi u huma bbażati fuq tliet kategoriji.

L-ewwel binarju jirrigwardja l-ewwel għajnuna dwar is-saħħa mentali. Dan huwa servizz li jiġi mogħti abbażi ta’ gruppi fejn isiru korsijiet u l-persuni mħarrġa jkollhom aktar għarfien dwar kif jirreaġixxu għal sfidi ta’ saħħa mentali u b’hekk ikun jistgħu jgħinu lil ħaddieħor.

Binarju ieħor huwa dak tas-servizz ta’ one-to-one, ibbażati f’uffiċċju u li jingħataw minn professjonisti mħarrġa f’dan is-settur. It-tielet u l-aħħar binarju jirrigwardja l-freephone 1579 fejn persuna ċċempel biex tieħu servizz. Qed ikun propost li l-professjonisti ngaġġati mill-Kunsilli Lokali jkunu huma li attivament iċemplu lill-persuni u jsaqsuhom jekk għandhomx bżonn ta’ aktar għajnuna.

“Flimkien, dawn it-tliet binarji qed joffru l-aktar mod ħolstiku ta’ kif mill-komunitajiet nistgħu ngħinu f’qasam daqstant importanti,” tenna l-Ministru Abela.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li din il-miżura hi ħolqa oħra minn katina ta’ inizjattivi marbuta mas-saħħa u permezz tagħha se tingħata għajnuna ta’ kwalità lil kull min jiġi bżonn servizz marbut mas-saħħa mentali.

Hija qalet li se tkun qiegħda tinfetaħ sejħa għall-Kunsilli Lokali interessati sabiex japplikaw u joffru dan is-servizz b’xejn lir-residenti tagħhom fil-binja tal-Kunsill lokali jew f’xi post ieħor magħżul mill-Kunsill. Dan is-servizz se jkun offrut ukoll online jew bit-telephone, skont il-preferenza tar-resident.

Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli temmet b’appell: “Tiddejqux tirrikorru għall-għajnuna meħtieġa. Dan is-servizz se jkun b’xejn sabiex tużawh meta tridu u meta tħossu l-bżonn.”

Ekonomija

Sport