Wednesday, April 24, 2024

€41 miljun oħra mill-Unjoni Ewropea biex pajjiżi fqar jiġġieldu l-Covid-19

Aqra wkoll

Hekk kif id-dinja tinsab għaddejja mill-agħar mument fejn tidħol il-pandemija tal-COVID-19, fejn f’pajjiżi bħall-Istati Uniti qed naraw każijiet ta’ tfal li jispiċċaw fl-ICU jiġġieldu għan-nifs, l-Unjoni Ewropea iddeċidiet li tipprovdi €41 miljun biex tgħin lill-pajjiżi bi dħul baxx u medju li qed jiffaċċjaw kriżi  umanitarja u soċjoekonomika bla preċedent hekk kif il-pandemija COVID-19 tkompli tippersisti. Dawn il-pajjiżi qed  jiffaċċjaw żbilanċ fit-twassil tat-tilqim.

Fl-aħħar sigħat, l-Unjoni Ewropea iddeċidiet li tgħin pajjiżi fl-Amerika Latina u l-Karibew, il-Lvant Nofsani u l-Asja jindirizzaw il-konsegwenzi tal-pandemija. Dan se tkun qed tagħmlu billi allokat €31 miljun għal għajnuna tas-saħħa lill-popolazzjonijiet vulnerabbli, appoġġ għall-immaniġġjar ta’ każijiet COVID-19, u għall-bini ta’ reżiljenza fis-sistemi tas-saħħa tagħhom u dan fid-dawl ta’ żidiet fil-ġejjieni. 

Apparti dan  se jkunu ipprovduti €10 miljun biex jappoġġjaw il-Fond ta’ Emerġenza tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti (UNICEF) fit-twassil tat-tilqim lit-tfal taħt il-progamm tal-COVAX.

Il-Kummissarju għall-Immaniġġjar tal-Kriżijiet Janez Lenarcic iddikjara bl-aktar mod ċar li  “L-UE ilha tmexxi r-rispons multilaterali kontra l-pandemija tal-Coronavirus, b’diversi modi. Team Europe huwa kontributur ewlieni għall-COVAX, li jaħdem biex jiżgura li l-ebda pajjiż ma jitħalla lura. Permezz tal-mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-qsim tal-vaċċini, għexieren ta’ eluf ta’ dożi tal-vaċċin huma pprovduti kull ġimgħa lil dawk li għandhom bżonnhom f’pajjiżi bi dħul baxx u medju. Il-finanzjament imħabbar fl-aħħar sigħat se jgħin biex jiġu indirizzati r-riperkussjonijiet immedjati ta’ COVID-19, inkluż għall-komunitajiet vulnerabbli bħar-refuġjati Rohingya fil-Bangladesh u l-popolazzjonijiet indiġeni tal-Amerika Latina.

L-UE kienet minn ta’ quddiem fl-isforzi globali kontra COVID-19 minn meta faqqgħet il-pandemija. Team Europe ikkontribwixxa kważi €3 biljun għall-Faċilità COVAX, biex jgħin biex jiġu żgurati mill-inqas 1.8 biljun doża għal 92 pajjiż bi dħul medju baxx u baxx. Bħalissa, aktar minn 200 miljun doża ngħataw minn COVAX lil 138 pajjiż. Barra minn hekk, biex jikkumplimenta l-isforzi ta’ COVAX, Team Europe għandu l-għan li jaqsam mill-inqas 200 miljun doża ta’ vaċċini assigurati skont il-ftehimiet ta’ xiri bil-quddiem tal-UE lil pajjiżi bi dħul baxx u medju sal-aħħar tal-2021.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea qed tipprovdi €100 miljun f’għajnuna umanitarja biex tappoġġja t-tnedija ta’ kampanji ta’ tilqim f’pajjiżi fl-Afrika bi bżonnijiet umanitarji kritiċi u sistemi tas-saħħa fraġli.

Sport