Wednesday, March 27, 2024

€7,270 f’multi għar-rimi ta’ skart illegali fosthom taħlit ta’ skart organiku mal-borża s-sewda

Aqra wkoll

Il-Bord tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, ikkonferma l-ħruġ ta‘ €7,270 f’multi li ġew kkontestati b’rabta ma’ seba’ każi ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni tal-iskart.

Skont stqarrija li ħarġet mill-ERA persuna li kienet ġabret friġġ bħala parti mis-servizz ta’ servizz ta’ skart goff offrut mill-Kunsilli Lokali, neħħiet il-komperssur qabel ma marret biex tiddisponi minnha fiċ-Ċentru tal-Iskart Goff ta’ WasteServ fl-Imrieħel. Minħabba dan l-att, din il-persuna ġiet immultata €1,200.

L-ERA qalet li l-uffiċjali tal-infurzar tagħha jaraw li kulħadd jimxi mar-regolamenti tal-proċessi differenti fil-ġbir tal-iskart u mhux b’inqas fi ġbir ta’ oġġetti elettroniċi. Huma jaraw ukoll li anke skart goff mid-djar permezz tas-servizzi pprovduti minn kuntratturi tal-gvern lokali ma jkun hemm l-ebda abbużi fih.

Persuna oħra li tiġbor l-iskart ġiet immultata €850 talli ħalltet l-iskart organiku mal-iskart fil-boroż is-suwed fl-istess trakk mingħajr ma ġew separati.
Każ ieħor separat fejn persuna ġiet mmultata €1,200 talli tefa’ skart f’Bring-in Site.

L-ERA qalet ukoll li ħarġet multa oħra ta’ €1,200 talli sid ta’ vettura tal-iskart ġarr skart għal inċinerazzjoni b’mod illegali.

Multa oħra ta’ €1,200 ġiet imposta fuq individwu li l-impjegati tiegħu nqabdu jaħarqu skart fil-kampanja.

Il-Bord tal-ERA ċaħad ukoll il-kontestazzjoni ta’ kamra tal-logħob tan-nar għal multa ta’ rimi irregolari tal-iskart.

Skont dak ikkontestat, il-kamra tan-nar qalet li kienet tefgħet l-iskart fil-post indikat peress li kien hemm skart pirotekniku. Iżda l-Bord tal-ERA qal li dan il-materjal ma kienx fih skart pirotekniku, iżda kien biss skart imħallat fosthom flixken tal-plastik u anke biċċiet tal-għamara. Minħabba dan l-għaqda tan-nar weħlet multa ta’ €1,200 u ġiet ordnata tnaddaf ukoll is-sit.

Il-Bord tal-ERA kkonferma wkoll multa lill-kumpanija li naqset milli tħallas id-drittijiet relatati mar-reġistrazzjoni bħala produttur tal-ippakkjar tal-iskart.

Ekonomija

Sport