
Waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar ir-rikostruzzjoni ta’ Gaża, l-Ewroparlamentari Daniel Attard wassal messaġġ ċar li r-rikostruzzjoni ma tkun tiswa xejn jekk ma tkunx mibnija fuq il-ġustizzja, ir-responsabbiltà u r-rikonoxximent tad-drittijiet tal-poplu Palestinjan.
Fl-intervent tiegħu, Attard fetaħ b’ċifri li juru l-kobor tat-traġedja f’Gaża: 73,000 Palestinjani maqtula, fosthom 21,000 tifel u tifla; kważi 60,000 tifel u tifla li tilfu ġenitur wieħed jew iż-żewġ ġenituri; 10,000 tifel u tifla bi ġrieħi li se jbiddlulhom ħajjithom għal dejjem; kważi żewġ miljun persuna spostati; mijiet ta’ eluf ta’ djar imġarrfa; u mijiet ta’ ġurnalisti maqtula.
L-Ewroparlamentari Malti kkritika dak li sejjaħ bħala ipokrezija fir-rispons internazzjonali, u staqsa jekk l-istess kawtela kinitx tintuża kieku dawn kienu tfal Ukreni, jew kieku dawn l-azzjonijiet kienu qed jitwettqu mir-reġim Iranjan.
Huwa kkundanna wkoll il-vjolenza kontinwa tas-settlers fix-Xatt tal-Punent, fejn l-art qed tittieħed, familji qed jiġu attakkati, tfal qed jiġu terrorizzati, u l-impunità qed titħalla tkompli.
Attard tenna li Iżrael għandu dritt jeżisti, iżda insista li l-Palestina għandha l-istess dritt. Qal li r-rikonoxximent tal-Palestina mhuwiex kastig kontra Iżrael, iżda r-rikonoxximent ġust tad-drittijiet tal-poplu Palestinjan.
Huwa temm jgħid li mingħajr dan il-pedament, ma jistax ikun hemm paċi u rikostruzzjoni dejjiema, iżda biss qerda kkontrollata.








