Thursday, July 2, 2026

Edizzjoni speċjali tal-Valletta Local Food Festival fil-Belt Valletta

Aqra wkoll

Il-Valletta Local Food Festival jirritorna b’edizzjoni speċjali mill-Ġimgħa 3 sal-Ħadd 5 ta’ Lulju 2026, u se jittrasforma Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta fi tlett ijiem ta’ skoperta kulinari, prodotti lokali, u ċelebrazzjoni komunitarja.

Organizzata b’kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-Malta Food Agency, din l-edizzjoni twiegħed li tkun aktar diversa u toffri varjetà aktar minn qatt qabel.

Il-Ministru għall-Kultura, Malcolm Paul Agius Galea, sostna li “bħala Gvern, nibqgħu nemmnu li l-kultura għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd u li l-ispazji pubbliċi tagħna għandhom ikomplu jintużaw biex iqarrbu lin-nies lejn il-wirt, il-kreattività u l-identità tagħna. Dan il-festival huwa wkoll investiment fil-komunità, fil-kreattività u fl-ekonomija kulturali tagħna. Meta nappoġġjaw lill-produtturi lokali, inkunu qed nappoġġjaw familji, negozji żgħar u tradizzjonijiet li jagħmluna uniċi.”

Jason Micallef, iċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, tenna: “Wara s-suċċess ta’ numru ta’ avvenimenti li ttellgħu fi Pjazza San Ġorġ fil-ġimgħat li għaddew,  din l-edizzjoni speċjali tal-Valletta Local Food Festival fil-Belt Valletta hija ċelebrazzjoni vera tal-identità Maltija filwaqt li tibni fuq ir-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali b’saħħita fil-Belt Valletta.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, Brian Vella, spjega li “Dan il-festival huwa ċelebrazzjoni tal-ħidma ta’ dawk kollha li kuljum jaħdmu biex jipproduċu ikel ta’ kwalità. Il-produtturi tagħna huma fil-qalba tas-sistema tal-ikel Maltija, u bħala Malta Food Agency nibqgħu impenjati li noħolqu aktar opportunitajiet biex il-prodotti tagħhom jaslu għand il-konsumatur, filwaqt li nkomplu nsaħħu l-kompetittività, il-kwalità u l-valur miżjud tal-prodott Malti u Għawdxi. Il-Valletta Local Food Festival huwa eżempju konkret ta’ kif, flimkien mal-imsieħba tagħna, nistgħu nkomplu nagħtu viżibilità u rikonoxximent lill-aqwa prodotti Maltin u Għawdxin.”

Iċ-Chief Business Development Officer tal-Malta Food Agency, John Justin Camilleri, qal li “Il-Valletta Local Food Festival jirrifletti l-mod kif il-Malta Food Agency kompliet taħdem biex tibni kollaborazzjonijiet b’saħħithom bejn il-gvern, il-produttur, l-industrija u l-konsumatur. Fl-aħħar snin rajna kif il-ħidma konġunta twassal għal inizjattivi b’impatt akbar u b’benefiċċji konkreti u tanġibbli kemm għas-settur tal-ikel kif ukoll għall-komunità. Dan il-festival huwa eżempju ċar ta’ kif, meta naħdmu flimkien u nallinjaw l-isforzi tagħna, inkunu nistgħu noħolqu inizjattivi li jsaħħu r-relazzjonijiet bejn il-partijiet kollha involuti, iqarrbu aktar lill-komunitajiet lejn il-produzzjoni lokali u jkomplu jrawmu kultura ta’ koperazzjoni li twassal għal riżultati fit-tul.”

Il-Valletta Local Food Festival ta’ din is-sena jgħaqqad flimkien aktar minn 25 produttur lokali, kok, u artiġjan tal-ikel, li jippreżentaw firxa abbundanti ta’ ikel u xorb awtentiku Malti.

Il-Valletta Local Food Festival 2026 huwa bla ħlas u miftuħ għal kulħadd, u joffri opportunità li mhux ta’ min titlef biex tesperjenza r-rikkezza tal-kultura tal-ikel Malti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport