Bħalissa qed tingħata l-aħħar tislima fuq l-art lil Karl Gouder li ħalla d-dinja t-Tlieta li għadda, jumejn biss wara li kkonferma li se jkun qed jikkandida ruħu għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Il-quddiesa praesente cadavere qiegħda ssir fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġiljan u qiegħda titmexxa mill-Mons. Claude Portelli, eks kappillan tal-istess lokalità, u kkonċelebrata minn bosta saċerdoti ħbieb tiegħu fosthom il-kappillan preżenti ta’ San Ġiljan Dun Paul Mizzi.
Fl-omelija tiegħu Portelli fakkar kif Karl dejjem ipprova jgħaqqad u kif saħansitra f’mewtu rnexxielu jgħaqqad għall-aħħar tislima tiegħu ħbieb, politiċi minn kull partit u nies oħrajn. Żied jgħid li Karl kien dejjem lest li jgħin u s-sens ta’ ħbiberija dejjem kien sens ta’ valur għoli għalih, anke dawk li kienu jagħmlu xi ftit jiem li ma kinux jitkellmu minħabba r-rutina mgħaġġla ta’ kuljum. Qal ukoll li għalih il-familja kienet tiġi l-ewwel u qabel kollox u l-memorja tiegħu rridu nagħmlu ħilitna biex nippruvaw nżommuha ħajja billi nkomplu nħaddnu dawn il-valuri.
Huwa appella lill-politiċi biex jilleġiżlaw bis-serjetà fuq din il-pjaga tal-mard mentali u qal ukoll li għandna bżonn inkunu aktar konxji tas-saħħa ta’ kulħadd, anke tal-politiċi tagħna. Huwa nnota dwar il-kliem li fil-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali jifnu dawn l-istess valuri li kien iħaddan Karl.
“Issa mbagħad niltaqgħu jew imbagħad nibatlek u dak il-mument qatt ma jasal”, sostna ċ-ċelebrant filwaqt li saħaq dwar il-ħtieġa li ngħixu l-mument u mhux inħallu dawn l-esperjenzi jaħarbulna minn taħt idejna bla ma jkollna ċans nirrimedjaw.
Preżenti għaċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika hemm il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono u s-Sur Spiteri Debono, il-Prim Ministru Robert Abela u s-Sinjura Abela, l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, il-Kap tal-PN Bernard Grech u s-Sinjura Grech kif ukoll deputati u eks deputati taż-żewġ partiti l-kbar fost persuni distinti oħrajn.
Gouder serva bħala Sindku ta’ San Ġiljan kif ukoll bħala Deputat Nazzjonalista bejn l-2010 u l-2013, u l-2016 u l-2022.