Thursday, April 18, 2024

Eleanor Bezzina, Matthew Abela u Sasha Gatt jagħmlu d-debutt f’Tokyo 2020

Aqra wkoll

Eleanor Bezzina (sparar) u Matthew Abela (badminton) kienu l-ewwel atleti mill-kontinġent Malti li kkompetew fl-Olimpjadi ta’ Tokjo 2020.

Bezzina ħadet sehem fil-kwalifikazzjoni tal-10m Air Pistol li fiha ħadu sehem 53 atleta, l-ewwel tmienja biss setghu jaslu għall-aħħar round. Hija kkompetiet kontra atleti ta’ livell għoli.

Minkejja dan u minkejja xhur mingħajr kompetizzjoni jew aċċess għat-taħriġ, Bezzina tat rendikont tajjeb tagħha nfisha biex spiċċat fis-26 post ġenerali bi skor finali ta’ 570 meta l-punti totali tal-atleta li spiċċat quddiem kien ta’ 587. Il-punteġġi li kibet Bezzina kienu ta’ 95, 94, 96, 95, 96, 94.

Bezzina se tkun fl-azzjoni nhar il-Ħamis li ġej meta se tikkompeti fil-kwalifikazzjoni tal-25m Pistol (Precision u Rapid).

Intant fil-Musashino Sport Plaza kien imiss lil Matthew Abela li jidħol fl-azzjoni meta huwa l-ewwel player Malti tal-badminton li kkompeta fl-Olimpjadi. Bħalissa Abela huwa klassifikat fit-333 post fid-dinja u ħa sehem fil-kompetizzjoni tas-singles.

Għall-fażi tal-gruppi, li għaliha Abela ttella’ fi Grupp H, il-players kienu maqsuma f’16-il grupp ta’ bejn 3 u 4 players kull wieħed li jilagħbu fuq sistema ta’ round-robin, bl-aqwa player f’kull grupp jgħaddi għar-rounds tan-knock-out.

Soren Opti (Surinam) u Shi You Qi (Ċina) ġew imtellgħin ma’ Abela iżda Opti ma pparteċipax minħabba test pożittiv tal-CoSavid-19, u b’hekk ħalla lil Abela jilgħab kontra Shi li huwa kklassifikat fil-11-il post fid-dinja. Apparti dan, Abela ta rendikont tajjeb minkejja r-riżultat b’telfa ta’ 2-0 (21-8, 21-9) fejn issielet ghal kull punt.

Sasha Gatt, li hija l-iżgħar membru fost il-Maltin għamlet id-debutt Olimpiku aktar tard fil-għaxija meta ħadet sehem fil-heats tal-400m freestyle.

Hija spiċċat fis-sitt post minn seba’ għawwiema fil-ħin ta’ 4:19.78 li kien ftit iktar minn sekonda mir-rekord nazzjonali tagħha stess.

Illum Gatt se tkun l-unika Maltija fl-azzjoni meta fis-1.30 pm (ħin ta’ Malta) tieħu sehem fil-heats tal-1,500m freestyle.

Ekonomija

Sport