Sunday, December 22, 2024

ELLIOT BUSUTTIL IKKUNDANNAT 42 SENA ĦABS TALLI QATEL LIL MARIO FARRUGIA

Aqra wkoll

Elliot Paul Busuttil ġie kkundannat 42 sena ħabs u mmultat €70,000 wara li fil-Qorti ammetta li sentejn ilu qatel lil Mario Farrugia ta’ 62 sena f’Ħal Qormi. Huwa ammetta wkoll li fl-2020, ipprova joqtol Bulgaru ta’ 57 sena f’Ta’ Qali. 

Il-Qbil bejn l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-avukati difensuri kien li Busuttil jiġi kkundannat 35 sena priġunerija. Madanakollu, fil-Qorti, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera rrimarkat li l-piena għandha tkun dik ta’ 40 sena, minħabba li fil-fehma tagħha,  l-akkużat kien ta’ periklu ghas-soċjetà, ma kkoperax mal-pulizija u li kien taht ordni ta’ probation meta wettaq id-delitt.

Fil-15 ta’ Frar ta’ din is-sena, Busuttil ammetta minflok għadda ġuri li qatel lil Farrugia b’45 daqqa ta’ sikkina. Huwa kien ammetta wkoll l-attentat ta’ qtil ta’ raġel Bulgaru, lura għall-202, meta l-vittma nstab b’daqqiet ta’ sikkina ferut mal-art u mimli demm qrib il-parkeġġ tal-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali.

Busuttil kien instab ftit sigħat wara mistoħbi f’komun u bi ġrieħi f’saqajh u kien wieġeb mhux ħati tal-aggressjoni fuq il-Bulgaru fejn eventwalment kien ingħata l-ħelsien mill-arrest. Sentejn wara, f’April tal-2022, Busuttil tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil ta’ Mario Farrugia li kien instab mejjet fil-bagoll tal-karozza fil-5 ta’ April.

Busuttil kien akkużat ukoll li kellu fuqu arma, ġarr sikkina, m’osservax il-kundizzjonijiet li imponiet fuqu l-Qorti tal-Maġistrati u wkoll il-Qorti Kriminali u li kien riċediv.

Il-vittma kien instab fil-wied ta’ Ħal Qormi wara li kien ilu nieqes tmint ijiem. Il-katavru kien instab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni u kien irriżulta li nqatel b’45 daqqa ta’ sikkina.

Ekonomija

Sport