Wednesday, April 24, 2024

Elon Musk imdawwar bil-kontroversji

Il-biljunarju li jinsab f’negozjati biex jixtri Twitter b’attakki lejn il-ħaddiema tal-istess pjattaforma…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Elon Musk, wieħed mill-aktar jekk mhux l-aktar persuna sinjura fid-dinja, ma jieqafx ikun iċ-ċentru ta’ attenzjoni internazzjonali b’kontroversja wara l-oħra. Filwaqt li l-ġimgħa l-oħra ħareġ biċ-ċajta goffa li beħsiebu jixtri l-kumpanija ġganteska Coca-Cola ħalli jerġa’ jintroduċi l-kokaina bħala inġredjent f’din ix-xarba popolari, Musk bħalissa jinsab fil-proċess li jixtri l-pjattaforma Twitter. Ma’ din l-aħbar, kien hemm diversi reazzjonijiet iżda l-aħħar kontroversja li qajjem dan il-biljunarju hija dik bl-attakki tiegħu fil-konfront tal-istaff eżekuttiv tal-istess Twitter.

Ix-xiri ta’ Twitter se jiswa lil Elon Musk xejn inqas minn €41 biljun u dan l-ammont lest li jħallsu basta jkollu l-kontroll ta’ din il-pjattaforma wżata minn miljuni ta’ nies fosthom mexxejja dinjija. L-għan tiegħu huwa li jagħti aktar aċċess għal-libertà tal-espressjoni u li jkun hemm inqas ċensura, liema ċensura ħafna minnha ssir mill-professjonisti tal-istess ta’ Twitter. 

Fi ftehim ta’ xiri li se jkun konkluż, jekk dejjem isir għax anke dwar hemm dubji serji, Elon Musk se jkollu f’idejh il-kontroll ta’ Twitter u għaldaqstant il-kontroll tal-eluf ta’ impjegati tal-kumpanija. F’rapporti ġodda jingħad li issa Musk qiegħed jirrabja bl-ikrah lill-impjegti f’livelli maniġerjali u eżekuttivi minħabba battibekki fuq l-istess pjattaforma dwar il-libertà tal-espressjoni. Hawn Musk qiegħed jinsisti li għandu jkun hemm aktar laxkar. Musk pubblikament u mingħajr kantunieri esprima d-diżapprovazzjoni tiegħu għall-kontroll li hemm f’dak li jidher u jitla’ fuq Twitter.

Battibekki online…

Kemm ilu li ħabbar li se jixtri Twitter, dan in-negozjant famuż beda jtella’ tweets bi kritika diretta fil-konfront ta’ Vijaya Gadde, avukata u esperta tas-sigurtà fuq Twitter. Gadde jingħad li kellha rwol kruċjali fl-implimentazzjoni ta’ x’tip ta’ kontenut jitla’ fuq Twitter u kienet ukoll involuta fid-deċiżjoni li ttieħdet is-sena l-oħra li jitneħħa l-aċċess ta’ Donald Trump minn fuq din il-pjattaforma.

Musk irritalja bi tweet fejn ikkritika lil Gadde f’dak li jidher li kien kumment mingħandha dwar ix-xiri ta’ Twitter minnu. Huwa wkoll tella’ post li fih ikkritika l-imġieba ta’ ċertu Baker, avukat ieħor impjegat ma’ Twitter li kien waqqaf storja allegatament falza li fiha ssemmiet l-Alfa Bank.

Ftit minuti wara l-kummenti ta’ Musk, għadd ta’ persuni li jużaw Twitter bdew jagħmlu kummenti abbużivi fil-konfront ta’ Gadde u Baker, inklużi attakki ta’ natura razzisti u sessisti.

L-għada Musk kompla jikkumenta dwar il-moderazzjoni tal-kontenut li jidher fuq Twitter u tella’ ritratt li fih tidher Gadde. F’dan ir-ritratt bażikament is-sid futur ta’ din il-pjattaforma beda jwaqqa’ għaċ-ċajt ir-regoli preżenti ta’ Twitter.

“L-ibbuljar mhuwiex tmexxija tajba”

Dick Costolo, il-Kap Eżekuttiv ta’ Twitter mill-2010 sal-2015, irritalja u pprrova jiddefendi lill-membri tal-eżekuttiv ta’ Twitter bi tweet oħra fejn qal li, “l-ibbuljar mhuwiex tmexxija tajba”. Huwa kiteb direttament lil Musk fejn staqsih, “x’inhu jiġri? Qiegħed tpoġġi fil-mira lill-eżekuttiv tal-kumpanija li għadek kemm xtrajt”. 

Kumment ta’ sostenn ieħor tela’ minn Parag Agrawal, il-Kap Eżekuttiv ta’ Twitter li kiteb li huwa kburi mill-impjegti li jaħdmu qatigħ biex itejbu Twitter u dan “minkejja l-kontroversji” li hemm bħalissa rigward l-istess kumpanija.

Kontroversja oħra li qamet minn mindu tħabbar li Elon Musk beda negozjati biex jixtri Twitter hija dik li qamet bejnu u bejn Brussels fejn l-Unjoni Ewropea għamlitha ċara lil Musk li jista’ jadatta kif irid Twitter (TWTR.N) iżda wissietu li l-blokk għandu regoli stretti għall-pjattaformi online li jindirizzaw kontenut illegali.

“Irid ikun Twitter li jadatta ruħu għar-regoli tagħna,” sostna Thierry Breton f’intervista ma’ Reuters u midja oħra. Huwa kien qiegħed jitkellem wara li ħarġet uffiċjalment l-aħbar tal-ftehim ta’ bejgħ bejn Musk u Twitter. Breton qal ukoll li, “naħseb Elon Musk jaf l-Ewropa sewwa. Jaf tajjeb li aħna għandna regoli. Għaldaqstant fl-Ewropa, bil-għan li jkunu protetti l-libertà tal-espressjoni u l-individwu, il-kumpaniji jridu jħarsu l-obbligi tagħhom”.

Musk u Twitter…

Musk jikkonsidra lilu nnifsu bħala estremist favur il-libertà tal-espressjoni u fil-fatt ilu jikkritika l-kontroll tal-kontenut ta’ x’jingħad online għal ħafna żmien. Twitter hija pjattaforma popolari ferm li għandha traffiku ta’ miljuni ta’ users, inkluż f’Malta. 

Musk għandu xejn inqas minn 88.5 miljun persuna jsegwuh fuq Twitter mentri huwa jsegwi biss 114. Fost dawn hemm in-NASA, l-Istazzjon Internazzjonali Spazzjali, il-kumpaniji tiegħu Space X u Tesla, Dogecoin, beeple, Tim Urban, The Mars Society, DeepMind, OpenAI, għadd ta’ persuni fil-qasam tax-xjenza, tal-fiżika, tal-psikoloġija, tal-matematika u tal-innovazzjoni, kif ukoll xi awturi u siti tal-logħob.

Dan il-biljunarju ta’ spiss juża din il-pjattaforma u dan b’messaġġi ta’ kull tip. Fost botti li jitfa’ l-aktar, li dan l-aħħar qiegħed jagħfas fuqha sew, hija l-libertà tal-espressjoni. Barra minnhekk huwa jtella’ aġġornamenti ta’ żviluppi li jsiru f’missjonijiet spazzjali minn “SpaceX” u innovazzjonijiet mill-kumpanija tal-karozzi tal-elettriku lussużi, “Tesla”. Rigward il-kontenut li jitla’ fuq Twitter, Musk jemmen li dawk li jużawh għandhom ikollhom serħan il-moħħ li ħadd m’huwa jispijja fuqhom u fl-istess ħin ikunu jistgħu jgħidu li jridu.

Inkwiet ta’ ibbojkotjar minn kumpaniji kbar

Minħabba l-kontroversji u anke l-probabbiltà li Musk jibdel ir-regoli li hemm fis-seħħ bħalissa fuq Twitter, għadd ta’ kumpaniji ġganteski fosthom il-Coca-Cola (CCEP), Disney (DIS) u Kraft (KHC), qegħdin jheddu li se jibbojkotjaw il-pjattaforma billi jwaqqfu r-reklami.

F’ittra mibgħuta lill-kumpaniji qabel il-konferenza diġitali tar-reklamar “NewFronts 2022”, aktar minn 12-il organizzazzjoni qalu li n-negozji għandhom jassiguraw li Twitter iżomm ir-regoli li għandu preżentament inklużi dawk dwar l-integrità ċivili u tal-aġir ta’ mibgħeda.

“Bħala l-akbar kumpaniji li tirreklamaw fuq Twitter, tidħlu f’riskju li tkun assoċjati ma’ pjattaforma li tagħti lok għal mibgħeda, estremiżmu, informazzjoni qarrieqa jew żbaljata fuq is-saħħa, kif ukoll teoriji ta’ konspirazzjoni,” kompliet din l-ittra. Jingħad ukoll li l-flus mitfugħa f’reklamar fuq Twitter se jżidu s-saħħa tal-proġett “vanituż” ta’ Musk.

Min-naħa tiegħu, il-biljunarju ma ħbiex l-attakki fil-konfront tiegħu tant li tella’ dan ir-rapport li deher fuq is-“CNN Business” fuq Twitter. Hawnhekk huwa żieed jikteb – ‘min jagħti fondi lil dawn l-organizzazzjonijiet li jridu jikkontrollaw l-aċċess tiegħek għall-informazzjoni? Ejja ninvestigaw’. 

Sadanittant, fl-aħħar okkażjoni uffiċjali li attenda, jiġifieri l-Met Gala mtella’ t-Tnejn li għadda, Musk reġa’ rritalja l-ħsieb tiegħu li jneħħi kull ostaklu u “tqanżih” minn fuq Twitter. Għal din is-serata lussuża huwa kien fil-kumpanija tal-għażiża ommu u meta mistoqsi dwar il-kontroversji li jinsab fihom, dan il-biljunjarju u viżjunarju ammetta li hemm persuni hemm barra li ma jaqblux miegħu u li għamluh l-għadu tagħhom.

Fatti dwar Elon Reeve Musk

* Data tat-Twelid: 28 ta’ Ġunju, 1971;

* Ommu hija Kanadiża u missieru mill-Afrika t’Isfel;

* Huwa trabba fi Pretoria, fl-Afrika t’Isfel u mar jgħix il-Kanada meta għalaq 17-il sena;

* Iggradwat mill-Università ta’ Pennsylvaniza b’baċċellerat fl-Ekonomija u fil-Fiżika;

* Professjoni: imprenditur, investitur u negozjant kbir;

* Flimkien ma’ ħuh huwa fetaħ l-ewwwel kumpanija tiegħu “Zip2”;

* Fl-1999 huwa biegħ “Zip2” lill-kumpanija Compaq għall-prezz ta’ madwar €300 miljun;

* Fl-istess sena Musk waqqaf il-bank online “X.com” li ngħaqdet ma’ Confinity fl-2000 biex iffurmaw PayPal;

* PayPal inxtrat minn eBay fl-2002 għall-prezz fenomenali ta’ €1.4 biljun;

* Fundatur, kap eżekuttiv u l-inġinier ewlieni ta’ SpaceX, Musk kien iċ-chairman ta’ Tesla Inc. u wara laħaq kap eżekuttiv;

* Fl-2006 huwa għen biex tinbeda SolarCity li mbagħad inxtrat minn Tesla u saret Tesla Energy;

* Fundatur ta’ The Boring Company, kif ukoll bi sħubija waqqaf in-Neuralink u OpenAI;

* Sa April 2022 huwa stmat li l-ġid tiegħu jlaħħaq is-somma ta’ madwar €250 biljun;

* Skont kemm Bloomberg Billionaires Index u Forbes, Musk huwa l-aktar persuna sinjura fid-dinja;

* Musk kien ikkritikat u mfittex għal danni wara kummenti fuq Twitter li kien se jixtri l-kumpanija Tesla;

* Huwa kien ikkritikat ukoll li jxandar informazzjoni qarrieqa dwar il-Covid-19 u għall-opinjonijiet tiegħu dwar suġġetti bħall-AI, il-munita Crypo, it-trasport pubbliku u l-politika.

Sport