Tuesday, April 30, 2024

Elon Musk jiċħad li kellem lil Putin dwar il-gwerra fl-Ukrajna

Aqra wkoll

Elon Musk ċaħad rapporti li huwa tkellem mal-President Russu qabel xerred fuq Twitter xi suġġerimenti li jistgħu jservu biex tintemm l-invażjoni Russa fl-Ukrajna.

Il-Kap tal-grupp Eurasia inkarigat mill-konsultazzjoni tar-riskju politiku, Ian Bremmer, allega li Musk kien qallu personalment dwar il-konverżazzjoni tiegħu ma’ Putin. Musk qiegħed jiċħad din l-allegazzjoni u qal li tkellem biss ma’ Putin xi sena u nofs ilu. Spjega li s-suġġett kien l-ispazju u mhux dak li qiegħed ikun allegat.

Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Tesla talab lill-107.7 miljun segwaċi tiegħu biex jivvutaw dwar toroq varji li jistgħu jwasslu biex tiġi riżolta s-sitwazzjoni tal-gwerra bejn iż-żewġ pajjiżi.

Bremmer min-naħa tiegħu kiteb li Musk kien qallu li l-President Russu kien lest li jinnegozja jekk kemm-il darba l-Krimea tibqa’ taħt il-kontroll tar-Russja, jekk l-Ukrajna taċċetta xi forma ta’ newtralità permanenti u jekk il-Kapitali Ukrena tirrikoxxi lil Luhansk, Donetsk, Kherson u Zaporizhzhia bħala parti mit-territorju Russu. Huwa żied jallega li Musk qallu li Putin kien determinat li jakkwista dak li qiegħed jitlob “akkost ta’ kollox” u li hemm riskju kbir ta’ attakk nukleari jekk l-Ukrajna tinvadi l-Krimea.

Is-suġġerimenti ta’ Musk ħolqu kontroversja tant li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin  Ukren Dmytro Kuleba qal li jeħtieġ li tieqaf il-perċezzjoni li biex jintlaħaq il-paċi l-Ukreni għandhom iħallu lir-Russi joqtlu u jistupraw eluf ta’ Ukreni innoċenti u jaħtfu aktar art.

Il-kelliem għall-Kremlin Dmitry Peskov laqa’ s-suġġerimenti ta’ Musk u qal li hija xi ħaġa pożittiva ferm li xi ħadd bħalu qiegħed ifittex li jintlaħaq ftehim ta’ paċi.

Aktar kmieni din is-sena, il-biljunarju żied fil-popolarità tiegħu fl-Ukrajna permezz ta’ għajnuna għall-provvista ta’ internet, liema għajnuna kienet sussegwentament segwita minn invit mill-President Ukren Volodymyr Zelensky.

Madanakollu kollox jidher li nbidel mill-perspettiva ta’ Zelensky wara dawn is-suġġerimenti li hu stess ikkritika.

Skont il-liġi Federali fl-Istati Uniti, ċittadini privati ma jistgħux jidħlu fi kwitsjonijiet ta’ affarijiet barranin mingħajr il-permess jew l-involviment tal-gvern. Dan l-Att kien iffirmat mill-President John Adams fl-1799, iżda ħadd qatt ma tressaq b’rabta mal-istess Att.

Sport