Eluf ta’ viżitaturi jattendu għal Festa Ikel Malti 2026

Aqra wkoll

Eluf ta’ persuni żaru l-Pitkalija, Ta’ Qali, għall-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Festa Ikel Malti, organizzata mill-Malta Food Agency nhar il-Ħadd, 11 ta’ Ottubru 2026. L-avveniment, li sar appuntament annwali għall-familji Maltin u Għawdxin, reġa’ poġġa fiċ-ċentru tiegħu l-prodott lokali u l-ħidma ta’ dawk kollha li jagħtu kontribut lis-settur tal-ikel f’pajjiżna.

Din l-edizzjoni, l-akbar waħda s’issa, laqqgħet flimkien aktar minn 50 produttur tal-ikel u organizzazzjoni, inklużi parteċipanti mill-Farmers Market. Il-viżitaturi kellhom l-opportunità jiskopru varjetà ta’ prodotti lokali, jiltaqgħu direttament mal-produtturi u japprezzaw aktar il-kwalità, it-tradizzjoni u d-dedikazzjoni li hemm wara l-ikel Malti.

Matul il-ġurnata, il-pubbliku gawda minn programm varjat ta’ attivitajiet, fosthom tisjir dirett, ikel tradizzjonali, divertiment u attivitajiet għat-tfal, f’atmosfera li laqqgħet flimkien familji, produtturi u konsumaturi.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo saħaq fuq l-importanza li attivitajiet bħal Festa Ikel Malti jkomplu jsaħħu r-rabta bejn il-produtturi u l-konsumaturi.

“Is-suċċess ta’ Festa Ikel Malti juri kemm il-poplu Malti u Għawdxi japprezza l-prodott lokali u l-ħidma ta’ dawk li jipproduċuh. Wara kull prodott hemm il-ħidma, is-sagrifiċċju u d-dedikazzjoni tal-bdiewa, is-sajjieda u l-produtturi tagħna. Bħala Gvern se nkomplu naħdmu biex nagħtu aktar viżibbiltà u opportunitajiet lill-produtturi lokali, filwaqt li nħeġġu lill-konsumaturi jagħżlu prodotti Maltin. Meta nagħżlu l-prodott lokali, inkunu qed ninvestu fil-futur tas-settur u fl-ekonomija ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru Refalo.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, Brian Vella, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-attendenza numeruża u għall-parteċipazzjoni tal-produtturi. 

Min-naħa tiegħu, iċ-Chief Business Development Officer tal-Malta Food Agency, Justin John Camilleri, spjega li din l-edizzjoni kompliet tikkonferma l-potenzjal tal-avveniment bħala pjattaforma għall-promozzjoni u l-iżvilupp kummerċjali tal-prodotti lokali.

Festa Ikel Malti tifforma parti mill-ħidma kontinwa tal-Malta Food Agency biex tippromwovi l-prodott lokali, tappoġġja lill-produtturi Maltin u Għawdxin u toħloq opportunitajiet ġodda għat-tkabbir tas-settur tal-ikel.

Is-suċċess ta’ din l-edizzjoni jkompli jsaħħaħ l-impenn biex Festa Ikel Malti tibqa’ tikber bħala ċelebrazzjoni nazzjonali tal-ikel, tat-tradizzjonijiet u tal-identità Maltija.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport