“Wasal iż-żmien li nerġgħu nitkellmu dwar l-etajiet tal-ingaġġ fil-Korpi Dixxiplinati”- il-Ministru Glenn Bedingfield

Aqra wkoll

Filwaqt li enfasizza li fil-Korpi Dixxiplinati kollha għandna bżonn taħlita ta’ nies ġodda u nies ta’ esperjenza, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield stqarr li wasal iż-żmien li nerġgħu nitkellmu dwar l-etajiet tal-ingaġġ fil-Korpi Dixxiplinati. 

“L-età massima llum sabiex tidħol f’wieħed mill-Korpi Dixxiplinati hi ta’ 39 sena u dan sabiex tkun tista’ tagħmel il-25 sena ta’ servizz. Tajjeb li nibdew diskussjoni jekk dik l-età għandhiex titla’. Dan għaliex għandna ħafna nies validi ta’ esperjenza li jistgħu jservu fil-Korpi u għandhom 40 sena jew aktar,” qal il-Ministru Bedingfield.

Huwa għamel dawn ir-rimarki waqt li fil-Parlament kienet qiegħda tiġi diskussa mozzjoni mressqa mill-Gvern b’rabta ma’ riżoluzzjoni li tikkonċerna ż-żidiet fil-benefiċċji għall-membri tal-Korpi Dixxiplinati. 

Kif spjega l-Ministru Bedingfield, din il-miżura tikkonsisti f’żewġ emendi ewlenin u importanti li se jtejbu l-benefiċċji marbuta mal-estensjoni tas-servizz tal-membri tal-Korpi Dixxiplinati. 

“Min jagħti aktar snin ta’ servizz lill-pajjiż għandu jkun stmat, apprezzat u rikonoxxut. Għalina bħala Gvern mhux biżżejjed li ngħidu li l-membri tal-Korpi Dixxiplinati napprezzawhom b’dak li ngħidu dwarhom. L-apprezzament għandu jkun konkret rifless ukoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom,” qal il-Ministru Bedingfield.

Huwa semma’ kif fil-preżent membru illi jkun temm il-25 sena ta’ servizz u jiddeċiedi li jibqa’ fil-Korp għal erba’ snin addizzjonali huwa intitolat għal 23% żieda fil-pensjoni tiegħu. Permezz ta’ dawn l-emendi li qed jiġu proposti, iż-żieda se titla’ minn 23% għal 29%. 

Emenda oħra tirrigwardja l-membri li jkomplu jservu lil hinn mid-29 sena servizz. Bħalissa dawn il-membri huma intitolati għal somma addizzjonali ekwivalenti għal sitt xhur tal-paga bażika għal kull sena adizzjonali ta’ sevizz u dan huwa limitat għal perjodu ta’ erba’ snin. Din il-miżura se tkun estiża għal perjodu ta’ sitt snin. 

“Dawn huma deċiżjonijiet li jaffettwaw il-mod kif nirrikonoxxu s-servizz, kif napprezzaw l-esperjenza u kif nagħtu valur lill-għarfien li jkun inbena matul is-snin minn dawn l-uffiċjali,” qal il-Ministru Bedingfield. “Irridu li dawn il-korpi jkollhom il-kapaċità li jżommu nies ta’ esperjenza, li jistgħu jittrażmettu l-għarfien u jħejju anke l-ġenerazzjoni li jmiss.”

Il-Ministru Bedingfield iċċara wkoll li din hi skema voluntarja fejn mhu qed jimponu fuq ħadd li jibqa’ wara l-25 sena. Imma stqarr li bħala Gvern għandhom responsabbiltà li joħolqu dawk il-kundizzjonijiet li għal min irid minn fost il-membri tal-Korpi Dixxiplinati jagħmlulu l-għażla aktar attraenti biex minflok wara 25 sena jitlaq, jibqa’ jservi lill-pajjiż. “Dan hu prinċipju li qed inpoġġuh fil-prattika.”

“Irridu nħarsu lejn is-sigurtà b’mod komprensiv”

Il-Ministru Bedingfield kompla jgħid li l-investiment fit-tagħmir ma jagħmilx sens jekk ma jkollniex membri mħarrġa biex jużawh. Dan filwaqt li t-taħriġ ma jagħmilx sens jekk ma jkollniex istituzzjonijiet li jippremjaw l-esperjenza u l-liġijiet ma jagħmlux sens jekk ma jkollniex il-kapaċità li ninfurzaw.

“Għalhekk irridu nħarsu lejn is-sigurtà b’mod komprensiv. Irridu nsaħħu n-nies, it-tagħmir, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-koperazzjoni bejn l-entitajiet u nassiguraw li dawn l-elementi jistgħu jaħdmu aktar flimkien,” qal il-Ministru.

“Il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga għalija tibqa’ prijorità assoluta”

Il-Ministru Bedingfield żied jenfasizza li rridu niżguraw li l-Korp ikollu l-għodod infrastruttura u t-taħriġ meħtieġ. Qal li l-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga tibqa’ prijorità assoluta għalih. “Din il-ġlieda qed inħarrxuha. Din il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata li tagħmel il-profitt minn fuq uliedna. Għalhekk irridu nkomplu nsaħħu l-kapaċitajiet tal-pulizija, l-investiment tit-taħriġ, fit-teknoloġija, fil-koperazzjoni ma’ entitajiet oħra barra minn xtutna. Aħna determinati li naġixxu b’mod konkret.”

“L-investiment fil-Korp tal-Pulizija se jibqa’ jkun kontinwu u jsegwi l-ħtiġijiet li jinbidlu kuljum. Ħabbart li beda proċess biex il-pulizija jkollhom anke għodod ġodda. Semmejt taser guns li jieħdu post dawk li jintużaw illum. Irridu niżguraw li l-pulizija jkollha r-riżorsi meħtieġa biex twettaq dmirha u tipproteġi kemm lil pubbliku kif ukoll lilha nfisha.”

Il-Ministru Bedingfield semma’ wkoll l-investimenti li qed isiru fil-qasam tas-sigurtà ċivili li juru kemm hu importanti li nibqgħu nsaħħu l-kapaċità operattiva tal-entitajiet tagħna. “Fil-jiem li ġejjin se nħabbar investimenti ġodda fil-qasam tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili b’enfasi fuq it-tisħiħ tal-infrastruttura u l-kapaċità operattiva tiegħu.”

Il-Ministru Bedingfield temm billi rringrazzja lill-membri kollha tal-Korpi Dixxiplinati, tax-xogħol u d-dedikazzjoni tagħhom.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport