Emanuel Azzopardi … b’garaxx mimli oġġetti u b’passjoni li għadha ħajja wara 20 sena, diġà qed jaħseb fil-kollezzjoni u fir-rekord li jista’ jmiss

Aqra wkoll

F’Ħal Kirkop hemm garaxx li, għal min jidħol fih, jaf jidher qisu vjaġġ lura fiż-żmien. Fost l-oġġetti li jiġbru l-memorji ta’ żmien ieħor, wieħed isib kollezzjoni enormi ta’ boċċi tal-ħġieġ, magħrufa wkoll bl-Ingliż bħala marbles, li għal Emanuel Azzopardi mhumiex sempliċement oġġetti antiki iżda passatemp li ilu jkabbru għal madwar 20 sena.

Fl-aħħar ta’ Frar, The Malta Records kienu mistiedna fil-garaxx ta’ Emanuel sabiex jiġi ppreżentat rekord nazzjonali ġdid għall-akbar ammont ta’ boċċi tal-ħġieġ fil-Gżejjer Maltin. Dak iż-żmien il-kollezzjoni kienet tlaħħaq il-104,150 boċċa. Minn dakinhar, iżda, Emanuel ma waqafx. Illum il-kollezzjoni tiegħu kibret għal 240,150 boċċa.

“Żewġ rekords ksirthom jien stess,” jgħid Emanuel, li għal dawn l-aħħar 20 sena kompla jżid mal-kollezzjonijiet tiegħu. “Dejjem nixtri mingħand min iġibli boċċi tal-logħob tal-antik. B’hekk jirnexxieli nżomm dan id-delizzju ħaj.”

Il-boċċi tal-ħġieġ kienu parti mill-ħajja ta’ ħafna tfal f’era fejn il-kompjuters, l-internet u l-mowbajls kienu għadhom ma jeżistux. Għal ħafna, kienet logħba sempliċi tat-tfulija, iżda għal Emanuel saru kollezzjoni li llum għandha valur memorabbli u storiku.

Il-passjoni tiegħu ma waqfitx mal-ewwel rekord. Wara li ġie stabbilit ir-rekord ta’ 104,150 boċċa, il-kollezzjoni kompliet tikber b’mod konsiderevoli.

“It-total tela’ għal 240,150 boċċa,” jispjega Emanuel. “Kull darba li nsib xi ħadd li għandu boċċi tal-antik, nixtrihom. In-nies li jafuni mal-ewwel jindunaw bil-passjoni tiegħi u ħafna drabi jiġu għandi jew jgħiduli meta jkollhom xi ħaġa.”

Il-kollezzjoni tiegħu għalhekk mhijiex biss riżultat ta’ xiri, iżda wkoll ta’ relazzjonijiet li matul is-snin bena ma’ nies li jafu kemm iħobb jiġbor oġġetti antiki.

Wieħed mill-postijiet favoriti ta’ Emanuel huwa l-Monti. Kull nhar ta’ Ħadd, dan il-kollezzjonist joħroġ ifittex xi ħaġa ġdida li jista’ żżid mal-kollezzjonijiet tiegħu.

“Il-Ħadd immur il-Monti. Nies li jafuni jtuni affarijiet u kultant insib ukoll dak li jkun qed infittex,” jgħid.

U l-boċċi tal-ħġieġ mhumiex l-unika kollezzjoni tiegħu. Għal Emanuel, kważi kull oġġett antik jista’ jkollu storja warajh u għalhekk jispiċċa jiġbed l-attenzjoni tiegħu.

Fost l-oġġetti li jiġbor hemm ‘l hekk imsejħa number plates antiki jew aħjar bil-Malti l-plakek ta’ reġistrazzjoni tal-karozzi, żibeġ u laned taż-żejt. Saħansitra l-aħħar xiri tiegħu kien jinkludi madwar 120 number plate li kienu xi darba ta’ xi taxis ta’ Tas-Sliema.

“Jien mastrudaxxa u meta nara xi ħaġa li nista’ nżid mal-kollezzjoni, inħobb inġibha fil-garaxx,” jgħid b’entużjażmu.

Il-garaxx ta’ Emanuel għalhekk sar spazju fejn jinġabru biċċiet differenti mill-passat. Fosthom hemm ukoll karru tal-mejtin, flimkien ma’ bosta oġġetti oħra li jfakkru fi żminijiet li għaddew.

“Għandi ħafna affarijiet fil-garaxx. Meta nara xi ħaġa li għoġbitni u naħseb li għandha storja, nipprova nixtriha,” jgħidilna Emanuel.

Din il-passjoni għall-oġġetti antiki tmur lil hinn mill-ġbir innifsu. Emanuel jemmen li dawn l-affarijiet għandhom jibqgħu ħajjin sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jaraw kif kienet il-ħajja ta’ qabel.

Qabel ma daħal b’ruħu u b’ġismu fil-ġbir tal-kollezzjonijiet, Emanuel kellu wkoll rwol importanti fil-futbol ta’ Ħal Kirkop. Huwa kien president tal-klabb tal-futbol ta’ Ħal Kirkop għal aktar minn 20 sena.

Illum, għalkemm il-futbol għadu parti mill-istorja tiegħu, il-garaxx u l-kollezzjonijiet saru waħda mill-akbar passjonijiet tiegħu.

U l-għan tiegħu mhuwiex li jieqaf hawn.

“Għandi l-ħsieb inkabbar aktar din il-kollezzjoni,” jgħid b’mod ċar. Għalih, kull boċċa tal-ħġieġ, kull number plate u kull oġġett antik huwa biċċa oħra minn puzzle kbir li jirrakkonta storja.

Il-kollezzjoni tal-boċċi tal-ħġieġ wasslet ukoll għal mument ieħor importanti. The Malta Records qattgħu ftit jiem fil-garaxx ta’ Emanuel sabiex jiġu stabbiliti mhux wieħed iżda żewġ rekords ġodda.

L-ewwel rekord ġie stabbilit il-Ħadd li għadda, meta l-kollezzjoni tal-boċċi tal-ħġieġ ġiet irreġistrata b’total ta’ 110,150 boċċa. Wara dan, Emanuel ġie ppreżentat bit-tieni rekord, din id-darba għal 44,000 żibeġ.

Il-proċess ta’ verifika sar b’mod sistematiku, b’1,000 żibġa jingħaddu u mbagħad il-kollezzjoni tintiżen sabiex jiġi stabbilit it-total.

Għal Emanuel, dawn ir-rekords huma r-riżultat ta’ għoxrin sena ta’ dedikazzjoni u passjoni.

Il-ġbir tal-oġġetti antiki jista’ għal ħafna jidher bħala passatemp, iżda għal Emanuel huwa mod kif iżomm ħajja parti mill-passat. F’era fejn it-teknoloġija qed tinbidel kollox b’pass mgħaġġel, il-kollezzjonijiet tiegħu jfakkru f’logħob, xogħol u ħajja ta’ żmien ieħor.

U jidher li l-istorja għadha ma spiċċatx. B’garaxx mimli oġġetti u b’passjoni li għadha ħajja wara 20 sena, Emanuel Azzopardi diġà qed jaħseb fil-kollezzjoni u fir-rekord li jista’ jmiss.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport