Monday, December 23, 2024

Enemalta tkompli ssaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni fis-Siġġiewi u lokalitajiet oħrajn

Aqra wkoll

L-Enemalta plc għaddejja bit-tqegħid ta’ cables ta’ 11-il kilovolt taħt l-art fis-Siġġiewi, sabiex tkompli ssaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni f’dawn l-inħawi.

Permezz ta’ dawn il-cables, il-kumpanija qed tikseb aktar konnessjonijiet alternattivi li jippermettu li f’każ ta’ diffikultajiet fil-konnessjonijiet eżistenti, il-provvista tkun tista’ tingħata lura lill-klijenti f’inqas ħin. Fl-istess lokalità, għaddejjin ukoll it-tħejjijiet għall-iżvilupp ta’ ċentru tad-distribuzzjoni ġdid.

Enemalta qed tkompli tħaffef it-twettiq ta’ diversi proġetti f’lokalitajiet differenti biex issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, bħala parti mill-pjan t’investiment fit-tul li bdiet is-sena li għaddiet.

Kif ġie mħabbar f’Lulju li għadda, il-Kumpanija qed taċċellera t-twettiq ta’ dan il-pjan b’investiment totali ta’ €160 miljun, hekk kif qed tirdoppja l-ħidma biex l-infrastruttura tal-elettriku tkompli tissaħħaħ fl-iqsar żmien possibbli.

Dan il-pjan ta’ tisħiħ jinkludi ċentri tad-distribuzzjoni u substations ġodda, it-tisħiħ u t-tiġdid tal-infrastruttura eżistenti b’tagħmir iżjed avvanzat u t-tqegħid ta’ kilometri ta’ cables u linji ġodda, biex iżidu l-kapaċità, il-flessibilità u s-sigurtà tan-network li twassal l-elettriku lill-klijenti. Dan ix-xogħol qed isir biex meta jinqalgħu diffikultajiet, l-inġiniera u t-tekniċi tal-kumpaniji jkollhom iżjed flessibilità ħalli jgħinu lill-klijenti milquta u jreġġgħu lura l-provvista fl-inqas żmien possibbli.

Uħud mill-proġetti li kienu ppjanati għax-xhur li ġejjin ġew antiċipati biex jibdew qabel, waqt li l-inġiniera tal-kumpanija qegħdin jiffinalizzaw pjanijiet oħra għal iżjed proġetti ġodda li jkompli jsaħħu s-sistema tal-elettriku.

F’lokalitajiet oħra bħalma huma l-Ħamrun u Baħar iċ-Ċagħaq, Enemalta qed tinstalla diversi feeders addizzjonali ġodda – tagħmir li wkoll jgħin fit-tisħiħ tal-provvista tal-elettriku għal eluf ta’ familji u negozji f’dawn il-lokalitajiet.

Enemalta għaddejja bl-installazzjoni ta’ apparat modern f’diversi substations biex ikollhom tagħmir aktar sigur, sistemi awtomatizzati u kapaċità ikbar. Fost oħrajn, fil-jiem li għaddew f’Raħal Ġdid żiedet cable ġdid biex tissaħħaħ substation viċin l-iskola.

Bħala parti mill-pjan tat-tisħiħ tad-distribuzzjoni tal-elettriku, Enemalta din is-sena qed iżżid ukoll madwar 40 substation ġdida. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq 20 minnhom, fosthom fi Vjal il-Labour, in-Naxxar.

Għat-tisħiħ taċ-ċentri tad-distribuzzjoni, Enemalta qed tiffinalizza l-pjanijiet għal ċentru ġdid fin-Naxxar, biex toħloq infrastruttura ġdida għall-provvista lill-klijenti f’din il-lokalita u l-madwar, li bħalissa jiddependu fuq iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Mosta. Dan ser ikun wieħed minn erba’ ċentri tad-distribuzzjoni ġodda li Enemalta qed tħejji l-pjanijiet għalihom biex tkompli ssaħħaħ is-servizzi tal-elettriku għall-ħtiġijiet tal-futur.

It-timijiet tekniċi ta’ Enemalta qed jaħdmu wkoll fuq it-tisħiħ ta’ ħafna linji tal-elettriku f’diversi toroq madwar il-pajjiż. Fil-jiem li għaddew lestiet xogħlijiet ta’ tisħiħ f’Ħaż-Żebbuġ u f’Ħal-Qormi, fost oħrajn.

Ekonomija

Sport