Sunday, December 22, 2024

Erba’ artijiet tal-gvern se jinbidlu fi spazji miftuħa minflok jinbnew

Aqra wkoll

Erba’ artijiet li fuqhom, bil-policies attwali tal-Awtorità tal-Ippjanar, setgħu jinbnew mat-30 blokka ta’ appartamenti, se jkunu qegħdin jinbidlu fi spazji rikreattivi b’mijiet ta’ siġar, pjanti u xtieli. L-artijiet li ġew identifikati jinsabu f’San Ġiljan, Ħal Kirkop, Ħal Lija u Ħal Luqa. Bejniethom dawn iġibu l-valur ta’ €20 miljun.

Id-dettalji ta’ dawn il-proġetti, li se jsiru fuq medda ta’ 8,000 metru kwadru ta’ art, tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela fil-preżenza tal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru semma kif qegħdin jittieħdu diversi inizjattivi biex jiżdiedu l-ispazji miftuħa madwar il-pajjiż fejn iċ-ċittadini jkollhom post ta’ rilassament ftit minuti ‘l bogħod minn fejn jgħixu. Qal li kien għalhekk li nbeda proċess bejn l-Awtorità tal-Artijiet u Project Green b’rabta ma’ dan il-proġett.
It-8,000 metru kwadru ta’ art jifforma parti minn 20,000 metru kwadru ta’ art li minflok jinbnew, se jsiru ġonna. “Id-direzzjoni hi waħda ċara, li f’dawn iż-żoni rridu trasformazzjoni li ma tkunx żona mimlija binjiet u strutturi iżda żona li tgawdi minn spazji miftuħa u siġar.”
Il-Prim Ministru fakkar ukoll kif huwa kien ta kelma li f’din il-leġiżlatura se jkollna l-akbar proġetti ta’ spazji miftuħa madwar il-pajjiż kollu u li dik il-kelma qegħdin u se jibqgħu jżommuha. Kien għalhekk li din kienet proprju l-ewwel miżura mħabbra fil-manifest elettorali.
“Qed nagħmlu tranżizzjoni lejn pajjiż illi se jkun aktar għaqli fl-approċċ tiegħu fejn tidħol il-politika tal-ippjanar tal-iżvilupp. Żvilupp li jrid ikun sostenibbli,” żied jgħid Dr Abela.
Huwa kompla jgħid li d-direzzjoni li ngħatat lill-Project Green huwa sabiex tingħata tindifa lil dawn l-artijiet sabiex jibdew jitwettqu proġetti ta’ ġonna fuqhom. “Sodisfatt li qed nagħtu dettalji dwar dawn it-8,000 metru kwadru ta’ art li fuqhom seta’ jsir żvilupp, iżda minflok se jsiru spazji miftuħa,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport