Tuesday, February 4, 2025

Erba’ snin ħabs wara li qabad il-warrani ta’ tifel ta’ 11-il sena

Aqra wkoll

Sudaniż kien ikkundannat erba’ snin priġunerija effettiva wara li nstab ħati li wettaq att ta’ natura sesswali mingħajr kunsens fuq minorenni billi qabadlu l-warrani. Huwa nstab ħati wkoll li ffastidja lill-vittma. 

Il-każ seħħ nhar is-16 ta’ Ġunju 2024, f’Misraħ is-Summit, Birżebbuġa. L-imputat, Jar Annabi Mohamed Abdallah, kien mixli wkoll li offenda l-pudur jew il-morali f’post pubbliku u li kien fis-sakra b’mod li ma setax jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. 

Fil-Qorti, l-allegat vittma kien xehed li meta seħħ l-allegat inċident kellu 11-il sena. Qal li waqt li ommu kienet qiegħda tilgħab it-tombla, hu mar ħdejn il-bandl u nzerta ra lill-imputat, li huwa għaraf fl-awla, għaddej. 

Huwa xehed li ftit qabel kien inzertah rieqed fuq bank. Jgħid li meta kien miexi ħdejn il-baħar lejn sħabu, l-akkużat mexa viċin tiegħu u introduċa lilu nnifsu. Qal li l-imputat offrielu ġelat kif ukoll sabiex imur miegħu lura d-dar.

L-allegat vittma kien ċaħad dawn l-avvanzi tal-akkużat. Xehed li f’dak il-mument l-akkużat allegatament qaraslu l-warrani tiegħu. Meta seħħ dan huwa tajjar id l-akkużat u telaq.

Ikompli jgħid li meta ltaqa’ ma’ sħabu u mar lura fejn kienu qegħdin jilagħbu t-tombla, seta’ jara lll-akkużat mal-art u kellu d-demm ġo rasu. Huwa qal li kien sar jaf minn terzi li s-sieħeb ta’ ommu kien ta daqqa ta’ ponn lill-akkużat. 

Qal ukoll li l-akkużat kien saħansitra qabad ma’ ħuh iż-żgħir u fil-fatt sabu fi stat mibki. Tenna jgħid li eventwalment ġiet l-ambulanza u ġabret lill-akkużat.

Min-naħa l-oħra, l-akkużat għażel li jixhed minn jeddu fejn hu sostna li qatt ma jiftakar lill-vittma minuri u saħansitra ma jiftakarx l-allegat inċident minħabba li raqad fuq bank u qam l-għada filgħodu ġo sptar mingħajr spjegazzjoni ta’ xejn. 

Rigward il-veraċità tax-xhieda tal-minuri, il-Qorti qalet li mill-bidu nett huwa kien konsistenti u dan minħabba l-fatt li dak li xehed hu kien ġie kkorroborat minn ommu stess. 

Min-naħa l-oħra, il-Qorti qalet li l-akkużat ma kkonvinċa bl-ebda mod li l-verżjoni tal-vittma minuri ma kellhiex mis-sewwqa. Il-Qorti fakkret ukoll fix-xhieda ta’ Kuntistabbli li tat dettalji ta’ kif seħħ l-argument u kif l-akkużat kien qiegħed ikun ta’ problema għall-pubbliku. 

“Għalhekk il-Qorti tqis li l-verżjoni tal-vittma minuri għandha mis-sewwa u tiddikjara li mhux qed tagħti l-ebda valur probatorju lix-xhieda mogħtija mill-akkużat,” qalet il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit fis-sentenza tagħha. 

Wara li kkunsidrat kollox, il-Qorti sabet lill-imputat ħati tal-akkużi li wettaq att ta’ natura sesswali fuq minorenni u li ġab ruħu b’mod li tah fastidju jew li ssoġġettah għal xi att ta’ intimità fżika mhux mixtieq. Huwa iżda ma nstabx ħati li offenda l-pudur jew kien fis-sakra f’post pubbliku minħabba li dawn ma kinux ġew ippruvati. 

Kien għalhekk li l-Qorti kkundannat lil Abdallah għal erba’ snin ħabs filwaqt li imponiet fuqu ordni ta’ trażżin, u favur il-parte civile, għal żmien tliet snin. 

Finalment, il-Qorti ordnat li isem l-imputat jitpoġġa fir-reġistru ta’ min ikun instab ħati li wettaq abbuż sesswali fuq minorenni.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi John Spiteri u Andrew Agius Bonello flimkien mal-Avukat Jennifer Polidano mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport