Tliet żgħażagħ Franċiżi u ieħor mill-Guinea tressqu l-Qorti mixlija li serqu żewġ karozzi tal-kiri mill-parkeġġ tal-ajruport. Dan is-serq seħħ fil-lejl ta’ bejn it-8 u d-9 ta’ Jannar li għadda.
Tnejn mill-imputati kienu mixlija li għamlu ħsara f’dawn il-karozzi u li saqu mingħajr ma kellhom liċenzja jew polza ta’ assigurazzjoni dwar ir-riskji ta’ terzi persuni.
L-Ispettur Karl Roberts spjega fil-Qorti kif mal-wasla tagħhom f’Malta, l-imputati marru mill-ewwel fil-parkeġġ u pprovaw jikru karozza u għalhekk bdew iduru mal-karozzi.
L-imputati huma: Yacine Leo Nizar Hilal ta’ 20 sena, Said Bouhafa ta’ 20 sena u Sofiane Bouhafa ta’ 18-il sena – it-tlieta li huma Franċiżi. Flimkien magħhom tressaq Mouhamed Salim Soumah ta’ 22 sena mill-Guinea.
Huma allegatament sabu Peugeot 3008 biċ-ċavetta fiha u saqu biha lejn il-lukanda tagħhom fil-Gżira. Erba’ sigħat wara, l-erba’ li huma reġgħu saqu lejn l-ajruport u allegatament serqu karozza oħra.
Fil-frattemp, huma kienu involuti wkoll f’diversi inċidenti ‘hit-and-run’ u ġew imposti diversi multi. Irriżulta li l-karozzi kellhom tracking device li mmarkat li kienu pparkjati viċin il-Grand Suite Hotel, il-Gżira.
Meta l-pulizija daħlu fil-lukanda, ir-receptionist qaltilhom li vettura minnhom kienet ta’ erba’ turisti. Meta marru biex ikellmuhom u daħlu fil-kamra tal-lukanda tagħhom, il-Pulizija sabuhom reqdin u sabu anke ċ-ċavetta tal-Peugeot.
Minn hemm, huma ġew arrestati. Il-karozza l-oħra nstabet ipparkjata fil-viċinanzi tal-istess lukanda.
Said Bouhafa u Soumah wieġbu ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom u kienu kkundannati sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. It-tnejn l-oħra wieġbu mhux ħatja u nżammu taħt arrest preventiv.
Għal Soumah dehret l-Avukat Julia Micallef Stafrace mentri l-Avukat Mark Mifsud Cutajar deher għall-imputati l-oħra.