Bejn id-29 ta’ Lulju u l-1 ta’ Awwissu, ir-Royal Malta Golf Club se jkun il-palk tal-European Team Shield Championships 2026, kompetizzjoni prestiġjuża organizzata mill-European Golf Association (EGA). Imwaqqfa fl-2016, din il-kompetizzjoni hija maħsuba biex tagħti opportunità lil pajjiżi Ewropej żgħar u emerġenti jikkompetu fuq livell internazzjonali filwaqt li tkompli tħeġġeġ l-iżvilupp tal-golf f’dawn il-pajjiżi.
Matul konferenza tal-aħbarijiet li saret fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-president tal-Malta Golf Association William Beck ta d-dettalji dwar dak li se jseħħ fil-ħamest ijiem ta’ logħob. Malta se tkun rappreżentata kemm fit-turnew tal-irġiel kif ukoll f’dak tan-nisa. It-tim tal-irġiel, immexxi mill-kaptan Ruud Critien li se jkun ukoll qed jilgħab ma’ Andrew Borg, Oliver Davis u JJ Micallef Verlest, bil-kowċ Nicholas Zaher assistit minn Andreas Schwab. Fit-tim tan-nisa se jikkompetu Eliana Buhagiar, Laya Cristina, Serena Falzon Sant Manduca u Filipps Schulze Doering, ukoll taħt it-tmexxija tal-kaptan Noah Gratil.
B’kollox se jieħdu sehem 18-il pajjiż, 96 plejer flimkien ma’ kowċis u delegati, f’dak li mistenni jkun wieħed mill-akbar avvenimenti internazzjonali tal-golf li qatt ospitat Malta. Il-kampjonat mhux biss se joffri golf ta’ livell għoli, iżda se jkompli jsaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna bħala destinazzjoni ewlenija għat-turiżmu sportiv u għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti internazzjonali.
Min-naħa tiegħu ċ-Chairman ta’ SportMalta, Matthew Pisani, saħaq li l-golf huwa fost id-dixxiplini li qed ikomplu jikbru f’Malta. Huwa spjega li SportMalta għandha l-missjoni li tħeġġeġ aktar persuni jipprattikaw attività fiżika u tkompli tinvesti finanzjarjament fl-għaqdiet sportivi. Pisani sostna li l-fatt li Malta ntgħażlet biex tospita t-12-il edizzjoni ta’ dan il-kampjonat huwa rikonoxximent tal-esperjenza li pajjiżna kiseb fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti internazzjonali ta’ livell għoli.
Min-naħa tiegħu, Mark Cutajar minn SportMalta qal li l-istrateġija tal-Gvern tkompli tagħti importanza kbira lit-turiżmu sportiv ta’ kwalità. Huwa spjega kif id-Dipartiment tal-Avvenimenti fi ħdan SportMalta qed jaħdem mill-qrib mal-assoċjazzjonijiet sportivi biex jattira aktar kompetizzjonijiet internazzjonali lejn Malta, filwaqt li dawn l-avvenimenti jkomplu jgħollu l-livell tal-isport u jħallu benefiċċju ekonomiku u turistiku għall-pajjiż.
Iċ-Chairman tal-Marsa Sports Club, Godwin Borg, irrimarka li l-klabb qed ikompli jinvesti fil-faċilitajiet tiegħu u llum joffri spazji ta’ livell għoli għal diversi dixxiplini fosthom il-golf, it-tennis, il-padel, squash u l-cricket. Huwa awgura kull suċċess lill-Malta Golf Association fl-organizzazzjoni ta’ dan il-kampjonat.
Il-Viċi Chairman tar-Royal Malta Golf Club, Victor Satariano, spjega li matul l-aħħar snin sar xogħol estensiv fuq il-korsa, b’mod partikolari fuq il-greens mibnija skont l-istandards tal-USGA, sabiex ikunu jistgħu jilqgħu kompetizzjonijiet internazzjonali tal-ogħla livell. Huwa sostna li l-kumitat kollu jaħdem fuq bażi volontarja kuljum biex itejjeb il-faċilitajiet, filwaqt li dan l-avveniment se jkun reklam importanti kemm għall-klabb kif ukoll għal Malta.




