Lanċa li kienet qed iġġorr 116-il passiġġier u 17-il membru tal-ekwipaġġ għerqet ’il barra mill-kosta tal-Guyana. S’issa ġew salvati sebgħa u sittin persuna u fost dawk salvati hemm ħmistax-il tifel u tifla, wara li l-lanċa MV Barima nqalbet ftit wara li telqet mill-belt kapitali, Georgetown, nhar is-Sibt. Għad hemm għexieren ta’ persuni neqsin.
Skont ma qal il-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Juan Edghill, is-sejħa għall-għajnuna waslet fil-11:01 p.m. (ħin lokali) u dan wassal biex tinbeda operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ li involviet timijiet tal-gvern kif ukoll dgħajjes privati.
Il-kaptan tal-bastiment, li kien fost dawk salvati, irritorna fiż-żona biex jassisti fl-operazzjoni ta’ salvataġġ hekk kif in-numru tal-ħaddiema tas-salvataġġ irdoppja u tkabbret aktar iż-żona tat-tfittxija nhar il-Ħadd.
Il-Prim Ministru tal-pajjiż, Mark Phillips, stqarr li l-bastiment ma kienx qabeż il-limitu tal-piż permess u numru ta’ passiġġieri fil-mument tal-inċident. Il-bastiment kellu liċenzja biex iġġorr aktar minn 300 passiġġier.
Wara l-inċident ġew imwaqqfa ċentri ta’ assistenza għall-qraba ta’ dawk li ġew salvati u tal-passiġġieri li għadhom neqsin.
Il-bastiment involut, bl-isem ta MV Barima, kien fi triqtu lejn Port Kaituma meta nqaleb qrib Iron Punt. Huwa kien mgħammar b’250 ġakketta tas-salvataġġ, żewġ dgħajjes tas-salvataġġ riġidi u sitt dgħajjes tas-salvataġġ li jintefħu.
Skont informazzjoni fuq VesselFinder, il-bastiment kien inbena fl-1939 u għandu tul ta’ 40 metru.
