Saturday, December 21, 2024

EWROPA SOĊJALISTA

Aqra wkoll

Is-soċjaliżmu demokratiku fl-Ewropa jinsab f’qagħda ħażina. Fi Franza jinsab minn taħt sew, pjuttost emarġinat. Fil-Ġermanja, il-koalizzjoni tal-gvern immexxija mis-soċjalisti, ilha x-xhur tintilef f’polemiki interni li ħolqu diffikultajiet kbar. Fl-aħħar elezzjonijiet Olandiżi, minkejja t-tamiet mibnija fl-għaqda mal-ekoloġisti, is-soċjalisti kisbu riżultati miżeri. Fil-pajjiżi Skandinavi l-irtirata soċjalista hi ċara minkejja li  hemm soċjalisti jmexxu fid-Danimarka. Għal dan, huma addottaw parti mill-programm tal-populisti, speċjalment fuq immigrazzjoni.

Fil-pajjiżi tas-sud, bħal fl-Italja, l-istampa mhiex aħjar. Il-gvern soċjalista Spanjol biex jibqa’ fil-kariga, aċċetta wara snin twal jiċħadhom, it-talbiet politiċi tal-Katalani. Fil-Portugall, gvern soċjalista li fl-aħħar snin mexxa b’dinamiżmu, ikkollassa f’daqqa. Mill-bqija, Malta biss sostniet gvern soċjalista demokratiku. Fuq skala Ewropea, fiċ-ċokon tagħna, b’xorti ħażina, das-suċċess ftit jiswa.

L-ASSOLUT

Ittellajna f’kultura fejn it-twemmin fl-assolut hu inkoraġġit. Lil hinn mit-twemmin f’xi Alla, dan jinħass f’kif apparti mill-kunċetti astratti, nassumu ta’ spiss li naħa jew oħra hi kollha ħażina jew kollha tajba. Kollox abjad, jew kollox iswed.  Dan jagħmel sens fil-football, sakemm logħba tkun għadha għaddejja. Fil-każi l-oħra kollha, ftit jagħmel sens. 

Biex inżommu sens ta’ proporzjon, ta’ min jgħid li mbagħad fil-Parlament Malti ta’ spiss jinstabu kompromessi fuq liġijiet li jkunu għaddejja. Ftit jagħmlu kjass. Li l-liġijiet jgħaddu b’kompromess miftiehem hi ħaġa tajba; li ma jingħatawx publiċità hu żball għax donnu jfisser li t-triq tal-kompromess ma tantx hi mixtieqa. 

Naħseb li raġuni għal dan kollu hi wkoll li bosta nies isibuha ħaġa aktar ħafifa li jaraw kif jikkonformaw mal-bqija. B’hekk iħossuhom parti minn komunità li tgħożżhom. Dak li jsostnihom f’parti mill-komunità, fejn kollox tajjeb, ibegħedhom mill-parti l-oħra. L-aqwa li l-assolut li jemmnu fih jisfa konfermat.

SINJALI FIT-TOROQ

Mhux billi jintefqu għexieren ta’ miljuni fuq toroq spazjużi li jidhru (u huma) moderni u mibnija biex iwassluk malajr fejn trid tasal (sakemm ma tinqabadx f’ ferneżiji tat-traffiku li reġgħu saru frekwenti).

Biss, biex dawn it-toroq ewlenin (“highways”) jintużaw tajjeb, iridu jitpoġġew sinjali ċari, imdawla u prominenti ħalli jidhru sew mill-bogħod u s-sewwieqa jkunu jistgħu jinnavigaw tajjeb fihom. Hekk sar fix-xogħlijiet kbar ta’ xi snin ilu tal-Marsa.

Jidher li malajr dik is-sengħa ta’ kif jitlestew it-toroq intilfet. Jagħtu xhieda ta’ dan, ix-xogħlijiet li issa ntemmu (?) ta’ madwar l-ajruport. Fihom, is-sinjalizzazzjoni tħalliet nofs leħja. Jew kollox se jibqa’ kif inhu?

Forsi qed ireġi l-argument li Malta tant hi komunità ċkejkna li n-nies malajr titgħallem bl-amment minn fejn għandha tgħaddi. Jekk hu dak hu l-kalkolu, hu wieħed żbaljat.

Ekonomija

Sport