Tuesday, May 14, 2024

FA Trophy: Rebħa komda għal Sliema Wanderers

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Sliema Wanderers …..3

Vittoriosa Stars ……..0

Sliema Wanderers ftit li xejn tħabtu biex għelbu l-isfida tat-team miċ-Challenge League, Vittoriosa Stars, bl-iskor ta’ 3-0 biex b’hekk kisbu l-passaġġ għar-round tal-Aħħar 16 tal-FA Trophy.

Huma dehru impostati ferm tajjeb f’kull dipartiment tal-ground, waqt li kuntrarju għal dan, il-Ġirbin dehru inferjuri u ftit li xejn inċiżivi fl-attakk.

Il-Wanderers rebħu penal­ty proprju fl-ewwel attakk denju fis-seba’ minuta meta Daniel Sowatey waqqa’ lil Juan Pablo Morales fil-kaxxa. Iżda mill-11-il metru Jean Goncalves ra t-tentattiv tie­għu jiġi mil­qugħ mill-goalkeeper Ryan Marmara.

Madankollu, fit-32 minuta, is-Slimiżi fetħu l-iskor permezz  ta’ free-kick mill-isbaħ ta’ JUAN PABLO MORALES li ma ta l-ebda ċans lil Marmara jsalva.

Iżda fis-37 minuta, anke l-Ġir­bin ingħataw penalty meta l-goalkeeper, Timmy Aqui­lina, waqqa’ lil Freud Gnindokponou fil-kaxxa.

Iżda x-xutt ta’ Ebenezer Ayorinde Tejumola mill-11-il metru ġie salvat parzjalment mill-istess Aquilina u mir-rebound l-attakkant Niġerjan xeħet barra … biex kien it-tieni penalty fallut tal-logħba.

Ta’ dan in-nuqqas, Vit­torio­sa pattew qares għax fil-45 minuta, il-Blues irduppjaw meta wara li rċieva minn cross mil-lemin, JAKE ENGERER, ikkonkluda bir-ras minn cross fuq il-lemin.

Fil-veritá, Sliema qatt ma dehru li setgħu jitilfu din il- logħba u fil-59 minuta free-kick ta’ Juan Pablo Morales għadda ftit barra.

Sussegwentament, konxji mill-vantaġġ li kellhom, hu­ma naqqsu mir-rendiment tagħhom u l-partita pprogressat bħala waħda medjokri karatterizzata b’ħaf­na logħob f’nofs il-ground.

Fit-88 minuta, Jean Cloth Goncalves falla ċans tad-deheb li jagħmilhom tlieta għas-Slimiżi meta minn taħt il-lasti għamel l-impossibbli u xeħet barra.

Iżda fil-ħin miżjud huma ssiġillaw ir-rebħa minn daq­qa ta’ ras preċiża mill-viċin  tas-sostitut OMAR ELOUNI.

SLIEMA W.: 1-Timmy Aqui­lina, 3-Juan Pablo Morales Rengifo (77-Amamdou Pape Samb 81), 4-Raffaelo Schiavi, 5-Kurt Shaw, 6-Gabriel Aquilina, 7-John Mintoff, 10-Inters Gui (21-Danny Holla 70), 19-Jake Engerer (9-Omar Elouni 70), 25-Yuki Uchida (11-Ruslan Kisil 70), 72-Jean Carlos Cloth Goncalves, 99-Valmir Berisha (2-Luke Muscat 87)   – Coach: Andrea Pisanu

VITTORIOSA S.: 88-Ryan Marmara (1-Matthew Bonanno 87), 5-Kyle Mercieca, 6-Evair Grech, 7-Ebenezer Ayorinde Tejumola, 8-Ali Oularbi (19-Mattias Formosa 70), 9-Ayrton Micallef, 13-Joseph Farrugia, 20-Daniel Sowatey (99-Glen Attard 87), 21-Leslie Bregman Quincy (45-Adrian Cutajar 87), 77-Erson Schembri, 87-Freud Gnindokponou (51-Edward Falzon 79) – Coach: Vince Car­bonaro

REFEREE: Philip Farrugia

ASS. REFEREES: Duncan Sultana, Mark Ciantar

RABA’ UFF: Ezekiel Barbara

SKORERS: J. P. Morales 32, J. Engerer 45, O. Elouni 93 (SW)

AMMONITI: D. Sowatey (VS)

Sport