Sunday, May 5, 2024

Faċilità ġdida għas-separazzjoni tal-ħġieġ se tibda titħaddem fix-xhur li ġejjin

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca ddikjara ma’ dan is-sit, li l-faċilità ġdida li se tissepara l-ħġieġ skont il-kulur tiegħu se tibda titħaddem fix-xhur li ġejjin. 

Huwa qal li b’din il-faċilità f’Wied il-Għajn, li qiegħda ssir b’investiment ta’ €2 miljun b’ko-finanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea, se tkun qiegħda titjieb ħafna aktar l-effiċjenza fil-ġbir u l-ipproċessar ta’ dan il-ħġieġ.

“Il-fatt li l-ħġieġ se jiġi sseparat skont il-kulur tiegħu, qed niżguraw li ngħollu l-kwalita tal-materjal, dan minbarra li jkun qed imur għal użu aktar importanti – dak li jinbidel fi prodotti oħra. Eżempju l-ħġieġ blu jġib prezz aħjar minħabba l-użu tiegħu,” qal is-Sur Bilocca. 

Huwa ħabbar ukoll li fl-ewwel xhur ta’ din is-sena se jinħareġ it-tender biex tinbena skip management facility. Il-ħsieb huwa li din tibda topera fi żmien sena u nofs. 

“Qed nitkellmu fuq skart li jintefa’ fl-iskips il-kbar. Dan il-materjal jidħol fl-impjant, jgħaddi minn fuq il-conveyer belt u permezz ta’ makkinarju apposta b’ħeffa inkredibbli jibdew jiġu separati l-affarijiet… il-ġebel imur għalih, l-injam, il-ħadid u l-plastik għalih. Imbagħad kull materjal minflok jispiċċa fil-miżbla nerġgħu ndaħħluh fis-suq għar-riċiklaġġ,” żied jispjega l-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ.

Huwa qal li sabiex jitnaqqas t-teħid ta’ art verġni jew art agrikola nstab spazju bejn il-miżbla tal-Magħtab u l-Miżbla tal-Għallis fejn se jkun qiegħed isir dan il-proġett. B’dan il-mod qed tkun illimitata kemm jista’ jkun l-esproprazzjoni tal-art. 

Mistoqsi dwar l-impjant tal-Waste-To-Energy, is-Sur Bilocca qal li s-sit jinsab lest u jinsabu fl-aħħar fażi tal-appell sabiex malli jkollhom il-kuntratt f’idejhom jibdew bix-xogħlijiet minnufih. 

“Dan huwa impjant kruċjali għall-pajjiż. Fil-miżbla jidħlu madwar 300,000 tunnellata ta’ skart. Dan l-impjant se jkun jista’ jipproċessa madwar 200,000 tunnellata minnhom, u tiġi ġġenerata l-enerġija,” qal is-Sur Bilocca.

Huwa tkellem ukoll dwar il-faċilità ġdida għall-ipproċessar tal-iskart organiku li se tkun qiegħda tieħu post dik attwali. Qal li fl-2023 irċevew madwar 28,000 tunnellata ta’ skart organiku, bl-impjant il-ġdid huwa ppjanat li jieħu madwar 74,000 tunnellata ta’ skart organiku. Dan l-impjant se jkun qiegħed ukoll ibiddel dan l-iskart f’enerġija u kompost li mbagħad jitqassam lill-bdiewa.

Sport