Thursday, May 28, 2026

Faċilità medika sportiva mill-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi, iffinanzjata mill-MCVS

Aqra wkoll

Ġiet inawgurata faċilità medika u sportiva għall-atleti u l-komunità, mill-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK), wara li ġiet irranġata kamra eżistenti fil-kumpless tal-għaqda fejn issa ġiet mibdula f’faċilità medika kompluta. Din ġiet mgħammra, fost l-oħrajn, b’apparat mediku meħtieġ għall-eżamijiet tal-atleti li qed ifittxu l-liċenzji internazzjonali tat-tlielaq tagħhom, filwaqt li tissimplifika wkoll il-proċess u ttejjeb l-aċċessibbiltà.

Dan il-proġett, iffinanzjat mill-Voluntary Organisations Projects Scheme (VOPS) tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, sar b’investiment ta’ €20,000.


Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, u l-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo.

Ta’ min isemmi li din il-faċilità se tintuża wkoll għal testijiet mediċi u screening tas-saħħa għall-pubbliku, li se jgħinu biex jittaffew ir-riskji għas-saħħa billi tiġi pprovduta kura aktar aċċessibbli u preventiva. Se jkun disponibbli wkoll li jitwettqu testijiet tad-doping, u anki assistenza medika primarja minn nies imħarrġa waqt sessjonijiet ta’ taħriġ u avvenimenti tat-tlielaq. B’hekk ikun qed jiżdied ukoll l-appoġġ mediku fuq il-post. Se jiġu organizzati wkoll korsijiet tal-ewwel għajnuna f’dan is-sit, flimkien ma’ AED fil-post sabiex jittejbu l-ħiliet u r-rispons tal-voluntiera.

Apparti dan il-proġett, l-ASMK ftit tal-ġimgħat ilu għadha kif ibbenefikat ukoll għat-tielet darba minn fondi taħt l-iskema VOPS, fejn din is-sena l-proġett se jkun iffukat biex l-akkademja tat-trials tagħhom, se tkun qed tara flotta ġdida ta’ muturi li jaħdmu bl-elettriku.

Il-Ministru Julia Farrugia qalet kif “dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif il-Gvern qed ikompli jinvesti fis-settur tal-volontarjat biex noħolqu komunitajiet aktar siguri, aktar b’saħħithom u aktar preparati. Permezz ta’ dan il-proġett mhux biss qed ninvestu fl-isport tal-muturi, iżda qed ninvestu fin-nies, fil-voluntiera u fil-ħarsien tal-ħajja. Meta naraw għaqda volontarja bħal ASMK tkompli tikber u toffri servizzi ta’ kwalità lill-atleti u lill-pubbliku, nifhmu kemm il-fondi tal-MCVS qed iħallu impatt konkret fil-komunitajiet tagħna. Dan huwa l-mudell ta’ pajjiż li rridu nkomplu nibnu; pajjiż li jemmen fil-potenzjal tal-għaqdiet volontarji u li jibqa’ jagħtihom l-għodda biex jagħmlu differenza reali fil-ħajja tan-nies.”


Fost dawk preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll iż-żagħżugħa Valentina Deguara, ta’ 13-il sena, li ilha tipprattika l-isport tal-motorcross għal dawn l-aħħar ħames snin, kif ukoll José Azzopardi, żagħżugħ ta’ 19-il sena li ilu involut f’dan l-isport minn meta kellu biss erba’ snin u li trabba f’dan l-ambjent minħabba li missieru wkoll kien entużjast tal-motorsport. Valentina esprimiet il-gratitudni tagħha għall-appoġġ li qed jingħata permezz ta’ dan il-proġett u qalet li faċilitajiet bħal dawn jgħinu lill-atleti żgħażagħ ikomplu jitħarrġu u jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom f’ambjent aktar sigur u professjonali. Min-naħa tiegħu, José rrimarka li din il-faċilità ġdida se tkun ta’ għajnuna kbira għalih u għal atleti oħrajn, hekk kif qabel kien ikollu jivvjaġġa barra minn Malta sabiex jagħmlu l-medicals meħtieġa biex jikkompetu. It-tnejn sostnew li dan il-proġett se jkompli jgħinhom itejbu l-ħiliet tagħhom u jsaħħaħ il-livell professjonali tal-isport f’Malta.

Min-naħa tiegħu, Mauro Pace Parascandalo, irringrazzja lill-għaqda għax-xogħol siewi li jagħmlu u ħeġġeġ lis-settur biex jibqa’ jinforma ruħu dwar id-diversi skemi u fondi li joffri l-Kunsill, li issa żdiedu sew kemm fil-fondi u anki fil-varjetà tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport