Crystal Palace……….. 1
Rayo Vallecano……… 0
Crystal Palace għelbu lil Rayo Vallecano bl-iskor ta’ 1-0 biex rebħu l-UEFA Conference League liema finali ntlagħbet f’Leipzig Stadium, fil-belt ta’ Leipzig, il-Ġermanja, biex saru t- tielet team Ingliż li għamel dan wara West Ham (2022-23) u Chelsea (2024-25).
Iż-żewġ timijiet kienu qed jikkontestaw finali Ewropea għall-ewwel darba.
Wara bidu bilanċjat, kienu Vallecano li resqu viċin, fit-32 minuta, meta Alemao kkonnettja mill-cross ta’ Isi Palazon iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet ftit barra, b’Dean Henderson megħlub għal kollox.
Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, il-Palace kienu għoddhom marru fil-vantaġġ iżda d-daqqa ta’ ras ta’ Tyrick Mitchell għaddiet tħakkek mal-wieqfa.
Madankollu huma fetħu l-iskor, fil-51 minuta, meta Adam Wharton venven kanunat minn tarf il-kaxxa li l-goalkeeper, Augusto Batalla, salva parzjalment u mir-rebound, l-attakkant Jean-Philippe Mateta kien pront xeħet fix- xibka.
Sitt minuti wara, il-Palace kienu sfortunati li ma rduppjawx meta l-free-kick ta’ Yeremy Pino ġie mċaħħad miż-żewġ lasti.
Fl-74 minuta, il-goalkeeper Spanjol kien providenzjali billi salva fuq tentattiv ta’ Mateta mill-viċin biex evita goal ċert.
Bil-ħin għaddej, Vallecano ppruvaw jagħmlu xi forma ta’ reazzjoni iżda ma setgħux jippenetraw lid-difiża kompatta tal-Palace hekk kif il-coach, Oliver Glasner, għamel bosta bidliet tattiċi biex jagħlaq l-ispazji neċessarji.
U proprju sas-suffara finali l-iskor baqa’ ma nbidilx!

