Friday, May 17, 2024

F’Awwissu saru 1,228 kuntratt ta’ bejgħ ta’ propjeta residenzjali

Aqra wkoll

F’Awwissu 2022, in-numru ta’ kuntratti relatati ma’ bejgħ ta’ proprjetà residenzjali kien jammonta għal 1,228, żieda ta’ 58 att li jfisser 5.0 fil-mija iżjed meta mqabbla ma’ dawk irreġistrati sena qabel. Il-valur ta’ dawn l-atti kien jammonta għal €280.1 miljun, 13.1 fil-mija ogħla mill-valur rreġistrat f’Awwissu 2021. 

Fl-istess xahar ta’ Awwissu ġew irreġistrati wkoll 918-il ftehim ta’ wegħda ta’ bejgħ ta’ proprjetà residenzjali, żieda ta’ 30 ftehim fuq l-istess xahar tas-sena li għaddiet.

1,112, jew 90.6 fil-mija ta’ dawn l-atti finali ta’ bejgħ kienu xerrejja individwali (familji), bil-kumpaniji jammontaw għal kważi l-bqija tal-atti finali. Il-valur tal-propjeta involuta fir-rigward ta’ xerrejja individwali (familji) kien jammonta għal €236.4 miljun, ekwivalenti għal 84.4 fil-mija tal-valur totali.

Fir-rigward tar-reġjun li tinsab fih il-proprjetà, l-ogħla numru ta’ atti finali ta’ bejgħ ġew irreġistrati fiż-żewġ reġjuni ta’ Għawdex, u Ħaż-Żabbar, ix-Xgħajra, iż-Żejtun, Birżebbuġa, Marsaskala u Marsaxlokk, b’184 u 155 rispettivament. L-inqas li saru atti kienu fir-reġjun tal-Birgu, l-Isla, Bormla u l-Kalkara, u r-reġjun ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan, l-Iklin u Ħal Lija. F’dawn ir-reġjuni ġew irreġistrati 24 u 45 att rispettivament.

F’dawk li huma wegħdi ta’ ftehim ta’ bejgħ, f’Awwissu ta’ din is-sena, ġew irreġistrati 918-il ftehim ta’ wegħda ta’ bejgħ ta’ proprjetà residenzjali, ekwivalenti għal żieda ta’ 3.4 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel. Ix-xerrejja potenzjali individwali ammontaw għal 863 jew 94.0 fil-mija ta’ dawn il-ftehimiet, filwaqt li l-bqija kienu jinvolvu l-aktar kumpaniji.

Dawn iċ-ċifri, li nħarġu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-l-Istatistika – l-NSO jippreżentaw dejta proviżorja dwar tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ proprjetà residenzjali bbażata fuq id-data tar-reġistrazzjoni mal-awtorità tat-taxxa.

Sport