Friday, July 3, 2026

“Fejn hemm rispett lejn l-istituzzjonijiet, tissaħħaħ il-fiduċja fil-ħajja pubblika” – l-Ispeaker Carmelo Abela

Aqra wkoll

“Fejn hemm rispett lejn l-istituzzjonijiet, tissaħħaħ il-fiduċja fil-ħajja pubblika,” qal l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, waqt żjara ta’ korteżija li rċieva mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, l-Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi.

L-Ispeaker qal ukoll li kien pass pożittiv li l-politiċi stess daħħlu kummissarju li jagħmel sorveljanza fuqhom stess, sabiex l-istandards fil-ħajja pubblika jikbru u jissaħħu.

Matul il-laqgħa, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati enfasizza l-importanza li l-istituzzjonijiet pubbliċi jaqdu r-rwoli rispettivi tagħhom b’serjetà, b’indipendenza u b’rispett lejn il-liġi. Huwa qal li f’demokrazija parlamentari, il-fiduċja taċ-ċittadini tissaħħaħ meta kull istituzzjoni taħdem fil-qafas tas-setgħat tagħha u b’sens ċar ta’ responsabbiltà lejn il-poplu.

L-Ispeaker Carmelo Abela rrimarka li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għandu rwol importanti fil-qafas istituzzjonali tal-pajjiż, u li l-ħidma favur standards xierqa fil-ħajja pubblika għandha dejjem titmexxa b’għaqal, bilanċ u rispett lejn il-proċessi stabbiliti.

Min-naħa tiegħu, l-Imħallef Emeritu Azzopardi feraħ lill-Ispeaker għall-ħatra tiegħu u esprima l-impenn tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards li jkompli jaqdi dmiru skont il-liġi u b’rispett lejn l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż.

Fi tmiem il-laqgħa, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati saħaq li l-ħajja pubblika tissaħħaħ mhux biss bil-ħidma tal-istituzzjonijiet, iżda wkoll bil-mod kif dawn jaħdmu flimkien b’rispett lejn ir-rwoli rispettivi tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport