Il-vot b’saħħtu ta’ fiduċja li t-tmexxija tal-Partit Laburista ngħatat mid-delegati Laburisti kien prova oħra ta’ kemm dan il-partit jemmen li l-Mexxej u d-Deputati Mexxejja attwali jistgħu jkomplu jwasslu għal aktar rebħiet mhux biss għall-partit imma wkoll għall-pajjiż inġenerali.
Dan il-proċess demokratiku sar bħala parti mill-Konferenza Ġenerali Straordinarja li tlaqqgħet mill-Partit Laburista, kif jitlob ukoll l-istatut li jsir wara kull elezzjoni ġenerali, fejn id-delegati fil-Konferenza Ġenerali, l-ogħla organu tal-partit, jikkonfermaw jew ibiddlu t-tmexxija tal-partit sa elezzjoni oħra.
B’vot b’saħħtu, il-Prim Ministru Robert Abela ġie kkonfermat fil-kariga ta’ Mexxej, u għalhekk se jkompli wkoll imexxi l-Gvern ladarba l-Partit Laburista reġa’ ġie elett għar-raba’ darba konsekuttiva fl-elezzjoni tat-30 ta’ Mejju ta’ din is-sena. Ġew ikkonfermati wkoll iż-żewġ Deputati Mexxejja – Dr Ian Borg bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament u Dr Alex Agius Saliba fir-rwol ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.
Bil-konferma ta’ dan il-vot, il-Partit Laburista kompla juri li huwa miftuħ għall-ideat kollha li jitressqu ‘l quddiem, kif fil-fatt kien miftuħ il-manifest elettorali li ġie msejjes fuq ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet tan-nies.
Issa li ġie konkluż dan il-proċess, l-għan ewlieni tal-Partit Laburista fil-Gvern huwa t-twettiq tal-proposti elenkati fil-manifest elettorali “Int Malta”. Manifest ambizzjuż li ngħata mandat b’saħħtu mill-poplu Malti u Għawdxi, li ta rebħa storika oħra lill-Partit Laburista.
Dan il-manifest jinkludi fih ħemel ta’ proposti li mit-twettiq tagħhom se jkunu l-faxex kollha tas-soċjeta Maltija li jibbenefikaw. Fuq kollox se jwasslu għal qabża pożittiva fil-kwalità tal-ħajja tan-nies, tisħiħ tal-istituzzjonijiet, titjib għan-negozji kif ukoll konsolidament tal-andament ekonomiku tal-pajjiż.
Dan il-manifest huwa parti mill-mixja lejn il-Viżjoni Malta 2050. Li fost oħrajn għandha tkompli ttejjeb il-pass li qabad pajjiżna fid-direzzjoni lejn il-qabża diġitali tal-ekonomija li tkompli timmodernizza lil Malta tagħna. U diġà hemm sinjali li pajjiżna se jkompli f’din il-mixja biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istess viżjoni.
Għalhekk issa sta għat-tmexxija tal-Partit Laburista sabiex tkompli fejn ħalliet fil-leġiżlatura li għaddiet, f’dawk li huma riformi essenzjali, miżuri baġitarji li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin, kif ukoll it-tisħiħ tal-qasam soċjali, li dawn iserrħu fuq ekonomija b’saħħitha, reżiljenti u li trendi.


