Thursday, July 2, 2026

“Ir-raba’ rebħa mhix it-tmiem imma hi biss il-bidu”

- il-Prim Ministru Robert Abela fl-għeluq tal-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Grazzi tal-fiduċja b’saħħitha li erġajtu slifituni biex nerġa’ nkun il-mexxej tagħkom. Dan huwa l-aqwa unur u l-akbar privileġġ ta’ ħajti li naħdem għalikom biex nieħdu lil Għawdex u lil Malta tagħna ’l quddiem. Nistedinkom ingħaqdu lkoll miegħi. Komplu emmnu fil-Partit Laburista. Ir-raba’ rebħa mhix it-tmiem imma hi biss il-bidu. Dan il-partit fadallu ħafna u ħafna ġid x’joħloq għall-Għawdxin u l-Maltin. Fadallu ħafna iżjed xi jwettaq. Nagħtikom kelmti li sħabi u jien se naħdmu b’ħilitna u b’saħħitna kollha.” 

Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Robert Abela f’diskors li għamel fl-għeluq tal-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista, wara l-vot ta’ fiduċja b’saħħtu fit-tmexxija ta’ dan l-istess partit. 

Dr Abela beda billi rringrazzja lid-delegati tas-servizz u l-imħabba tagħhom lejn dan il-moviment. “Grazzi talli tajtu fiduċja tant b’saħħitha lil Alex, lil Ian u lili. Napprezzaw ħafna u grati ħafna lejkom. Grazzi talli tridu lilna li mmexxu ’l quddiem it-twettiq tal-aktar manifest elettorali ambizzjuz li qatt kellu moviment politiku f’pajjiżna. Int Malta. Il-Ħolma Tiegħek, il-Proġett Tagħna.”

Huwa enfasizza li s-sabiħ li tkun pajjiż ta’ suċċess hu li dak li sar jibqa’ jkun sostnut u miegħu jżidu aktar u aktar. Għalhekk qal li l-manifest Int Malta kien evoluzzjoni naturali tad-deċiżjonijiet li ttiteħdu kull meta sabu kriżi ma’ wiċċhom.

Dr Abela tenna li dan il-moviment irid ikun mal-Għawdxin u l-Maltin kollha f’kull pass tal-ħajja tagħhom. Minn qabel it-twelid sal-aħħar fażi tal-ħajja. 

Il-Prim Ministru kompla jgħid li se jkunu qed jagħtu sinjali ċari ħafna u b’saħħithom f’dawn l-ewwel 100 jum ta’ Gvern ġdid. Qal li se jtellqu seba’ bidliet kbar fil-liġijiet tal-pajjiż fosthom biex aktar persuni jsiru ġenituri bit-twessigħ tal-IVF, riformi għal persuni b’diżabilità biex jingħataw l-aqwa protezzjoni taħt l-ogħla liġi tal-pajjiż, ir-riforma fl-appelli tal-ippjanar u biex il-parks u l-ispazji miftuħa li saru fl-aħħar snin jingħataw protezzjoni assoluta. Ma’ dawn hemm ukoll qafas leġiżlattiv aħjar għall-għaqdiet volontarji u t-twaqqif ta’ Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza. 

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar ukoll kif se jitwettqu tliet riformi oħra: proġett-pilota tal-lezzjonijiet tal-għawm lit-tfal, ix-xogħol preparatorju għall-proġett ta’ secure care facility għall-adoloxxenti ta’ inqas minn 18-il sena u se jitwettaq ukoll l-aftercare programme għal żgħażagħ li jagħlqu 18-il sena u ma jibqgħux jgħixu f’istituzzjonijiet ta’ kura.


Fl-għeluq tad-diskors tiegħu, il-Prim Ministru appella lil kulħadd biex ikompli jaħdem qatigħ biex pajjiżna jkompli jikseb iżjed suċċessi li jissarrfu f’ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport